L-avukati ta’ Repubblika jitolbu biex il-membri l-ġodda tal-ġudikatura ma jingħatawx każi

L-avukati li qed jirrappreżentaw l-NGO Repubblika talbu lill-qorti biex toħroġ miżura temporanja biex twaqqaf lill-imħallfin u l-maġistrati li ġew maħtura ġodda milli jingħataw kwalunkwe dmir sakemm il-każ jiġi fi tmiemu.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-NGO ressqet talba biex twaqqaf il-ħatra ta’ tliet imħallfin ġodda u tliet maġistrati ġodda. Fit-talba kien hemm miktub li l-Gvern għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja qabel ma jinħatru membri ġodda, biex dan jiżgura li l-imħallfin u l-maġistrati huma tassew indipendenti.

Il-ħatriet saru xorta l-Ħamis wara li l-qorti saret taf li l-proċess jista’ possibilment jiġi annullat. Iżda l-avukati Jason Azzopardi u Simon Busuttil, li qed jirrappreżentaw l-NGO, nhar it-Tnejn qalu li jkun hemm “Armageddon ġudizzjarju” jekk xi sentenzi mogħtija mill-membri l-ġodda tal-ġudikatura eventwalment jiġu annullati.

L-Avukat Ġenerali Peter Grech qal li din id-direttiva kienet diġà ntalbet mill-NGO nhar il-Ħamis li għadda, u kienet tirreferi għat-talba lill-Qorti biex tordna lill-Gvern biex ma jaħtarx l-imħallfin u l-maġistrati l-ġodda sakemm is-sistema ta’ ħatra kurrenti tiġi mibdula. Hu qal li din it-talba kienet diġà saret qabel u li għalhekk tmur kontra l-prinċipju li jgħid l-ebda azzjoni legali ma tista tiġi istitwita darbtejn.L-Imħallef Mark Chetcuti, li qed jippresjedi l-każ, irrimarka li din ma kinitx l-istess, b’waħda hija suġġetta għad-diskrezzjoni eżekuttiva.  L-Avukat Ġenerali argumenta li ladarba persuna tinħatar bħala mħallef jew maġistrat, huma mistennija li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod imparzjali.

Iżda l-avukat Jason Azzopardi tkellem dwar ir-ramifikazzjonijiet jekk id-deċiżjonijiet kollha meħuda minn dawn il-membri tal-ġudikatura li għadhom kif ġew maħtura kellhom jiġu annullati. Simon Busuttil irrefera għal deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fejn qal li talba simili kienet ġiet milqugħa fil-Polonja.

Wara li sema’ l-argumenti kollha, l-Imħallef Chetcuti qal li t-talba għal miżura mitluba nhar it-Tnejn kienet sostanzjalment differenti minn dik li kienet mitluba l-ġimgħa ta’ qabel.

L-NGO Repubblika ngħatat żmien biex tippreżenta żewġ applikazzjonijiet separati li jiddikjaraw b’mod ċar it-talbiet preċiżi u l-bażi legali għall-miżura imsemmija.

Il-każ mistenni jkompli nhar it-Tnejn.