L-avukati ta’ Fenech ma jridux li toħroġ l-informazzjoni tal-mobile tiegħu

Read in English.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jitolbu lill-Qorti biex tassigura li informazzjoni elettronika li tikkonċerna terzi persuni ma toħroġx fil-pubbliku.

Fenech kien il-kap eżekuttiv tat-Tumas Group sakemm spiċċa arrestat f’Novembru ta’ 2019 u akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-rikors iffirmat mill-avukati tiegħu – Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca – wasal hekk kif inhu mistenni li uffiċjali tal-Europol jeżibixxu r-records tal-mobile tiegħu.

Fakkru li din l-informazzjoni elettronika tinkludi informazzjoni “li tappartjeni lil terzi li huma ċittadini privati u ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-akkużi odjerni,” u nsistew li ma jkunx fl-interess tal-ġustizzja u l-protezzjoni tad-drittijiet li din tiġi żvelata.

Żiedu li diġà kien hemm diversi leaks ta’ informazzjoni mill-mobile phone tal-esponent – għalkemm ma speċifikawx eżempji, l-aktar wieħed notevoli hu ta’ messaġġi bejn Fenech u Adrian Delia li nkitbu fl-2019.

L-avukati fakkru li fil-każ ta’ Melvin Theuma, il-Qorti aċċettat li tiġi imnedija data room, li għaliha jingħata aċċess biss numru limitat ta’ persuni. Għalhekk qed jitolbu li titħejja data room anke għall-informazzjoni elettronika tal-klijent tagħhom.