L-avukati ta’ Fenech joġġezzjonaw li l-familja ta’ Daphne tintervjeni

REUTERS Yara Nardi

L-avukati ta’ Yorgen Fenech fil-Qorti oġġezzjonaw għat-talba tal-familja Caruana Galizia biex tkun tista’ ssaqsi mistoqsijiet dwar dak li Yorgen Fenech qal lill-pulizija. L-avukati ta’ Fenech għamlu dan biex ma jsirux mistoqsijiet dwar l-informazzjoni li Fenech ta lill-pulizija qabel ġiet miċħuda l-maħfra presidenzjali.

Fenech li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jisħaq li l-informazzjoni li ta lill-pulizija qabel ma t-talba għall-maħfra ġiet miċħuda m’għandix tingħad fil-Qorti.

L-avukati tiegħu qed jisħqu li l-klijent tagħhom għandu dritt għal smigħ ġust u dan jista’ jkun preġudikat jekk il-Qorti tippermetti li jsiru mistoqsijiet mill-prosekuzzjoni jew mill-familja tal-ġurnalista dwar dak li ntqal fil-bidu tal-interogazzjoni ta’ Fenech.

L-avukati ta’ Yorgen Fenech ppreżentaw l-oġġezzjoni tagħhom illum wara li l-Maġistrat Rachel Montebello ppermettiet li l-uffiċjali Keith Arnoud u Kurt Zahra, kif ukoll lill-eks kummissarju Lawrence Cutajar jixhdu dwar dak li Fenech qal dwar il-qtil tal-ġurnalista, lill-investigaturi.

L-avukat Therese Comodini Cachia li qed tidher għall-familja Caruana Galizia argumentat li huwa d-dritt tal-familja li jintervjenu f’dawn il-proċeduri kif ukoll fi kwistjonijiet oħra fil-każ li jaqgħu taħt il-Kodiċi Kriminali.

Charles Merċieca wieħed mill-avukati ta’ Fenech irribatta li l-familja tal-vittma ma għandha l-ebda interess ġuridiku fil-proċeduri u qed iħalltu l-interess tagħhom mal-każ. Żied li kien l-interess tal-Avukat Ġenerali u mhux tal-Parte Civile li tippriserva l-evidenza u tassigura li jkun hemm amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja.

L-Imħallef Anna Felice qalet li digriet dwar il-kwistjoni se jkun qiegħed jingħata t-Tlieta li ġej, li jpoġġi l-każ għal aktar sottomissjonijiet fuq it-talba tal-applikant.