L-Avukati jħeġġu l-Qorti tadotta Awli virtwali

Read in English.

Il-Kamra tal-Avukati ħeġġet lill-Qorti biex tadotta Awli virtwali u proċess ta’ filing elettroniku. Dan ipproponewh f’dokument li fih ressqu l-proposti tagħhom għal riforma fil-Qorti biex tkompli topera anke fiż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19.

Ir-rapport ikkonkluda li s-sistema ġudizzjarja f’Malta żammet lura milli tadotta dawn il-metodi diġitali u t-teknoloġija moderna. L-avukati qalu li irrispettivament minn kemm idum il-lockdown, għandhom jiddaħħlu proċessi elettroniċi għall-filing iżda ħeġġew ukoll biex il-Qorti tesplora l-possibiltà ta’Awli virtwali f’ċerta istanzi. Stqarru wkoll li din għandha tinżamm anke meta l-pandemija tkun spiċċat.

F’rapport ta’ 9 paġni, il-Kamra tal-Avukati tagħmel għadda ta’ sottomissjonijiet dwar il-proposti tagħha. Ewlenija fosthom hija dik dwar x’kellhom xi jgħidu l-avukati li jaħdmu fil-qasam tal-kriminal. L-avukati spjegaw li f’każi fejn il-klijent ikun suġġett għal sentenza ta’ priġunerija, l-avukat irid ikun ħdejn il-klijent biex jispjegalu l-konsegwenzi tat-tali sentenza. Jgħidu wkoll li minħabba privatezza, is-sistema proposta ma tgħoddx għalihom minħabba l-privatezza. Il-Kamra tal-Avukati stqarret li f’ċirkostanzi bħal dawn u fejn il-pożizzjoni tal-akkużat tista’ tiġi preġudikata, il-Qorti għandha żżomm kawta.

Dwar il-kumpliazzjonijiet, il-Kamra tal-Avukati qalet li dawn għandhom ikompli jinstemgħu f’Awla li tkun limitata biss għall-Maġistrat, id-deputat reġistratur, il-prosekutur u l-avukati tad-difiża. Jipproponu wkoll li l-Awla tkun diżinfettata qabel jibda jinstema’ l-każ u kulħadd għandu jsegwi l-istruzzjonijiet tad-distanza bejn persuna u oħra. Dwar ix-xhieda, l-avukati qed jipproponu li din tinstema’ permezz ta’ video-conferencing jew minn xi kamra oħra fil-Qorti jew b’mod rimot kif jixtieq ix-xhud.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ hawn:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn