L-avukata Yana Micallef Stafrace se tinħatar Maġistrat

L-avukata Yana Micallef Stafrace se tinħatar Maġistrat fil-Qrati Inferjuri.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja ntqal li din hija t-tielet ġudikant li se tkun qed tinħatar bis-sistema l-ġdida, fejn applikant jiġi evalwat minn kumitat indipendenti dwar l-eleġibilità u l-mertu.
L-Avukat Yana Micallef Stafrace ggradwat mill-Università ta’ Malta fil-1986 u ilha tipprattika bħala Avukat mill-1987.
Hija okkupat karigi istituzzjonali taħt diversi amministrazzjonijiet fosthom bħala Chairperson tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, Chairperson tat-Tribunal Għal Talbiet Żgħar, Chairperson tat-Tribunal Industrijali kif ukoll membru tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l- Korruzzjoni.
Bil-ħatra ta’ Dr Micallef Stafrace l-għadd ta’ nisa fil-Ġudikatura issa se jitla’ għal 20, 43% tal-membri kollha fil-Ġudikatura.