L-Avukat tal-Istat ordnat iħallas €130,000 f’kumpens fuq 2 każi ta’ kera baxxa

F’żewġ sentenzi li nqatgħu minn żewġ imħallfin differenti fl-istess jum, l-Avukat tal-Istat ġie ordnat iħallas kumpens totali ta’ aktar minn €130,000 lil sidien ta’ proprjetà li baqgħu marbutin b’kera baxxa.

Iż-żewġ każi kienu nfetħu kontra l-inkwilini tal-proprjetà u l-Avukat Ġenerali – ir-rwol tal-Avukat tal-Istat ma’ kienx għadu kkreat meta ġew miftuħa.

€100,445 kumpens dwar dar f’Tas-Sliema

L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri semgħet każ miftuħ minn Nicholas Paris dwar residenza f’Tas-Sliema, li kien akkwista mingħand ommu fl-1999.

Din kienet mikrija minn ċertu Edward Ellul Sullivan mill-1976, taħt konċessjoni li kienet skadiet fl-1993. Minkejja dan, Ellul Sullivan baqa’ jokkupa l-fond b’kera skont ordinanza tal-1959, kif emendata fl-1979. Paris kien qed ifittex ukoll l-iżgombrament ta’ Ellul Sullivan, però din it-talba ġiet eżawrita hekk kif l-anzjan miet fl-2019 u l-fond għadda f’idejh.

Il-kera kienet ta’ Lm140 fis-sena, illum €326.20. Però perit tekniku ikkalkula li fl-2018, il-proprjetà kellha valur ta’ €700,000, u li b’hekk sidha seta jistenna li jikriha għal €35,000 fis-sena, jew €2,916.66 fix-xahar. Fl-1999, skont l-istess perit, il-proprjetà kellha valur ta’ €175,000 u valur lokatizju ta’ €6,125 fis-sena, jew €510 fix-xahar.

L-Imħallef Vella Cuschieri kkwotat numru ta’ preċedenti fis-sentenza tagħha, kemm mil-qrati Maltin kif ukoll dawk Ewropej.

Dawn, saħqet l-imħallef, kienu unanimi fil-ħsieb li l-emendi legali tal-1979 “tant ħolqu sproporzjon bejn id-drittijiet tal-privat u l-interessi u ħtiġijiet soċjali ġenerali li kien għalhekk li din il-liġi giet iddikjarata leżiva ta’ dawk id-drittijiet.”

Filwaqt li rrikonoxxiet il-ħtiġijiet soċjali li kienu jeżistu fl-1979, kien ċar li l-istess sitwazzjoni m’għadhiex tapplika.

B’hekk, abbażi tad-differenza bejn il-kera li kien ħallas Ellul Sullivan u l-valur tal-proprjetà bejn l-1999 u l-2019, l-Imħallef ordnat lill-Avukat tal-Istat li jagħti kumpens pekunjarju ta’ €96,445. Ordnat ukoll li jitħallsu €4,000 f’danni mhux pekunjarji.

€30,000 kumpens għal proprjetà f’Ħal Kirkop

Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Robert Mangion sema’ każ miftuħ minn Phyllis Attard dwar proprjetà f’Ħal Kirkop li oriġinarjament kienet ta’ missierha Joseph Farrugia u ta’ oħtu Catherine Farrugia. Fl-1987, l-aħwa Farrugia għażlu li jgħadduh b’titlu ta’ enfitewsi temporanja lill-koppja Innocenzo u Mary Farrugia għal Lm96 fis-sena.

Din il-konċessjoni għalqet fl-2009, iżda bis-saħħa tal-liġi tal-1979, il-konjuġi baqgħu jgħixu fil-propjetà. Il-kera telgħet għal €416.06 fis-sena, li kellha togħla kull tlett snin skont ir-rata tal-inflazzjoni.

Joseph Farrugia miet fl-2005, u n-nofs tiegħu għadda fl-intier tiegħu għal għand bintu, filwaqt li n-nofs ta’ oħtu, li mietet fl-2003, inqasam bejn it-3 neputijiet tagħħa, inkluża Attard, li xtrat l-ishma tal-kuġini tagħha fl-2007 u b’hekk saret is-sid uniku tar-residenza.

Bħal ma għamlet il-kollega tiegħu, L-Imħallef Mangion ukoll ikkwota numru ta’ kawżi quddiem qrati Maltin u Ewropej, u ddikjara li d-dritt ta’ Attard għat-tgawdija tal-proprjetà tagħha kien qed jiġi vjolat.

Il-post ġie stmat li kellu valur ta’ €170,000 fl-2018 mingħajr ma ngħata valur lokatizju. Stima oħra li saret fl-2019 ikkonkludiet li kellu valur ta’ €230,000 u li b’hekk kellu valur lokatizju ta’ €8,600 fis-sena, jew €716.67 fix-xahar.

B’kollox, b’hekk, l-Imħallef Mangion ordna li Attard tingħata kumpens ta’ €30,000.