L-avukat ta’ Trump investigat mill-FBI

L-FBI ilbieraħ għamlet tfittxijiet fl-uffiċini u d-dar tal-avukat tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, Michael Cohen wara li qed jingħad li kien hemm xi żviluppi f’serje ta’ spekulazzjonijiet  li jinolvu persuni viċin ta’ Trump.
L-avukat ta’ Cohen qal li tfittxijiet saru parzjalment wara riferiment mill-Uffiċċju tal-Avukat Speċjali, Robert Mueller.
Mueller qed jinvestiga jekk xi membri fil-kampanja ta’ Trump tal-2016 kienux ħadmu mar-Russja waqt l-elezzjoni presidenzjali.
Min-naħa tiegħu l-President Trump qal li dawn l-ispekulazzjonijiet m’humiex ħlief dak li qed isejjaħlu “witch hunt”, jew kaċċa tas-sħaħar u ċaħad li kien hemm diskussjonijiet u ħidma mar-Russja.
Cohen ilu fiċ-ċentru tal-kontroversja minn meta nkixef il-pagament ta’ $130,000, jiġifieri €105,000, li ammetta li għamel lill-attriċi tal-films pornografiċi Stormy Daniels, ftit wara l-elezzjoni tal-2016. Daniels kienet qalet li kellha relazzjoni sesswali ma’ Trump fl-2006 u tħallset sabiex ma titkellimx dwarha.
Ritratt: Reuters