Aġġornata: Iċ-Ċaqnu mistenni jitressaq il-Qorti dwar l-inċident tal-bieraħ

Charles Polidano magħruf bħala ċ-Ċaqnu mistenni jitressaq il-Qorti dwar l-inċident li seħħ ilbieraħ f’Montekristo fejn leonessa ħebbet għal tifel ta’ ħames snin.
Mill-informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, Polidano fis-sigħat li għaddew inżamm mill-Pulizija biex ikun interrogat.
Newsbook.com.mt tkellem mal-avukat ta’ Polidano Group li iżda rrifjuta milli jikkumenta.
Dalgħodu, għall-mistoqsijiet li bagħat Newsbook.com.mt jistaqsi għalfejn Kastilja kienet miftuħa matul il-lejl, il-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia, wieġeb li kienet għaddejja laqgħa mmexxija mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri dwar l-inċident tal-bieaħ.
It-tifel li weġġa’ lbieraħ ittieħed l-Isptar Mater Dei mill-ġenituri tiegħu stess fejn ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.
Jidher ukoll li l-Pulizija talbet lill-missier it-tifel biex iwieġeb għal xi mistoqsijiet.
Fi stqarrija l-Gvern qal lbieraħ iż-zoo infetaħ b’mod illegali u li s-sidien “ta' dan il-post jaħsbu li jistgħu jieħdu l-liġi f'idejhom.”
Iż-zoo kien ilu magħluq min-Novembru li għadda meta tifel ta’ 3 snin kien weġġa’ gravi wara li għamlet għalih tigra li kienet inħarġet dawra minn impjegati taż-zoo.