L-avukat ta’ Muscat ‘jaf ipoġġi lill-Qorti taħt pressjoni’

Read in English.

Raġel fetaħ rikors li fih qed jallega li l-avukat personali tal-eks PM Joseph Muscat jaf ipoġġi lill-Qorti taħt pressjoni mhux xierqa.

Ir-rikors qed jilmenta kontra l-preżenza tal-avukat Dr Pawlu Lia quddiem il-Qorti. Dan għaliex Lia qiegħed f’pożizzjoni li jeżerċità dixxiplina fuq l-istess ġudikanti li jkun qed jidher quddiem meta jkun qed jirrappreżenta lil xi klijent.

Geoffrey Borg kien fetaħ kawża fil-Qorti minħabba każ dwar konvenju ta’ proprjetà f’San Pawl il-Baħar. Sab li l-parti l-oħra kienet rappreżentata legalment minn Dr Pawlu Lia.

Borg fetaħ Każ Kostituzzjonali kontra l-Avukat tal-Istat .

Fakkar li l-Gvern ħatar lil Dr Pawlu Lia bħala Membru fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li għandha rwol ta’ dixxiplina fuq il-ġudikanti li jippresjedu l-Qrati Maltin. Lia għandu rwol li jeżerċità dixxiplina fuq il-ġudikanti inkluż dawk li kull avukat jidher quddiemhom f’każijiet ta’ litigazzjoni. Ir-rikors fakkar li Lia huwa avukat li jaf jidher quddiem ġudikanti li jkun qed jgħasses fuqhom.

Ir-rikors ta’ Borg jitlob lill-Qorti tiddikjara jekk inkisrux jew jekk humiex se jinkisru d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq. Talab lill-Qorti biex jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji li hemm bżonn.

Ir-rikors ġie ffirmat mill-avukati Franco Debono, Michael Tanti Dougall, u Amadeus Cachia.

Lia nħatar fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja meta Joseph Muscat kien Prim Ministru.

L-avukat Pawlu Lia rrinunzja l-każ li fih kien qed jidher għal Keith Schembri, ħmistax biss wara li avukat ieħor għamel l-istess. Dan kien irrappurtat mill-gazzetta Malta Today li qalet li rekords fil-Qorti juru li fil-5 ta’ Diċembru, Lia informa uffiċjalment lill-Qorti li m’għadux l-avukat ta’ Schembri.