L-avukat ta’ DCG imħasseb bl-aġir tagħha ftit jiem qabel inqatlet

L-avukat Roberto Montalto qal li ftit jiem qabel ma nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huwa rċieva telefonati u messaġġi mingħandha li kienu iktar persistenti mis-soltu.
Dr Montalto, li kien qed jitkellem fuq Xarabank ilbieraħ filgħaxija, spjega li madwar disat ijiem qabel l-assassinju tagħha, Caruana Galizia ċemplitlu waqt li kien il-Qorti. Minħabba li ma setax jirrispondiha, hija bagħtitlu messaġġ u qaltlu li se tistennih il-Belt sakemm ilesti.
Montalto stqarr li dan l-aġir ma kienx soltu tagħha, għax dejjem kienet issib mezz ieħor ta’ kif issolvi problema meta hu jkun imħabbat, jew inkella tistennieh jerġa’ jċemplilha.    
Viżibilment emozzjonat, kompla jgħid li għal raġuni jew oħra, huma ma ltaqgħux, anke meta ppruvat iċċempillu ftit wara, minħabba li reġa’ nqabad il-Qorti.
Huwa stqarr li jumejn ilu, iddeċieda li jgħaddi l-messaġġi li rċieva mingħand il-ġurnalista lill-Pulizija, għax minkejja li kienu messaġġi ġeneriċi, tatu indikazzjoni dwar xiex riedet tkellmu. Minbarra dan, huwa xtaq jgħaddi l-informazzjoni bit-tama li b’xi mod jew ieħor tgħin biex tgħaqqad il-biċċiet tal-każ.   
Montalto ddeskriva lil Caruana Galizia bħala mara kuraġġuża, u metikoluża f’xogħolha. Madankollu, sostna li hija qatt ma kienet mara prużuntuża, u kienet konxja tal-konsegwenzi li l-pinna tagħha jista’ jkollha għal ħaddieħor u għaliha stess. 
Temm jgħid li, minkejja l-konsegwenzi li kienet qed taffaċċja, dawn qatt ma fixklu l-ħidma tagħha biex is-sewwa jirbaħ fuq il-ħażen. 
Għall-programm Xarabank, li ddiskuta l-qtil ta' DCG, il-Kummissarju tal-Pulizija ma attendiex, minkejja li kien mistieden.