L-avukat Indjana li qed tiġġieled għad-drittijiet tan-nisa

Karuna Nundy, avukat tal-Qrati Superjuri fl-Indja, hi waħda fost dawk li kkontribwew għall-formolazzjoni tal-liġijiet kontra l-istupru fl-Indja.
F’intervista fl-uffiċju tagħha fi New Delhi, Karuna tisħaq li hi temmen ħafna fid-demokrazija fejn mhux biss titkellem iżda anke tisma’.
Għal dawn l-aħħar snin, Karuna speċjalizzat fil-liġi tad-drittijiet umani u ġġieldet ukoll anke fl-iktar każi tal-Qorti diffiċli. Fosthom iġġieldet għad-dritt li wieħed ikollu l-libertà jitkellem.
Il-liġijiet kontra l-istupru kienu introdotti fl-Indja wara gang rape li seħħ fl-2012 li wassal għall-mewt ta’ studenta ta’ 23 sena waqt li kienet qiegħda fuq karozza tal-linja fi New Delhi.
Karuna Nundy gradwat bħala avukat minn Cambrigde u studjat anke f’Università ta’ New York. Qabel irritornat l-Indja ħadmet għal xi żmien man-Nazzjonijiet Magħquda.