L-Avukat Ġenerali ta’ Ohio se jressaq appell biex tibqa’ fis-seħħ liġi li tipprojbixxi abort fuq tfal bid-Down Syndrome

Imħallef federali f’Ohio, l-Istati Uniti mblokka milli tidħol fis-seħħ il-ġimgħa d-dieħla, liġi li tipprojbixxi l-aborti fuq trabi li qabel ma jitwieldu jkunu djanjostiku li huma Down Syndrome. L-Imħallef Timothy Black ta din is-sentenza fl-14 ta’ dan ix-xahar.
 
Il-Konferenza Episkopali ta’ Ohio esprimiet id-diżappunt tagħha għal din id-deċiżjoni iżda uriet it-tama li tista’ tinbidel wara appell imresaq mill-Avukat Ġenerali ta’ dan l-istat, Mike De Wine.
 
L-Isqfijiet qalu: “Aħna diżappuntati u ma nħossux li kien f’postu li jkun speċifikat li tant trabi li huma Down għandhom ikunu abortiti” qal Jim Tobin, Direttur tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Soċjali tal-Konferenza Kattolika ta’ Ohio.  “Nittamaw li hemm appelli oħra li jistgħu jsiru u li jdawwru din id-deċiżjoni”.
 
Il-liġi li kellha tidħol fis-seħħ nhar il-Ġimgħa li ġej, 23 ta’ Marzu, tipprojbixxi l-aborti biss jekk qabel it-twelid ikun jidher li t-tarbija hi Down Syndrome u timpani pieni fuq il-professjoni medika, iżda n-nisa li jipprokuraw l-abort ma jkunux penalizzati.
 
Il-liġi kienet iffirmata mill-Gvernatur John Ksich f’Diċembru li għadda. L-Unjoni tal-Libertajiet Ċivili Amerikani fi Frar li għadda fetħet kawża kontra d-Dipartiment tas-Saħħa ta’ Ohio u membri tal-Bord Mediku.
 
L-Imħallef Black imblokka d-dħul fis-seħħ tal-liġi għax qal li din tmur kontra d-dritt tal-privatezza għax sostna li “tikser id-dritt tal-privatezza ta’ kull mara f’Ohio u tidher li hi kontra l-Kostituzzjoni.
 
Dawk li huma favur il-liġi qed ipoġġu fid-dubju l-imparzjalita tal-Imħallef Black għax fl-1988 kien President tal-Għaqda dwar l-Ippjanar tal-Familja ta’ Cincinnati u fl-2014 kien irrikuża ruħu minn kawża dwar l-Ippjanar tal-Familja.
 
Jim Tobin, Direttur tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Soċjali tal-Konferenza Kattolika ta’ Ohio qal li s-sentenza li timblokka l-projbizzjoni tal-abort hi waħda traġika u tiddisprezza l-ħajja. “Hu sempliċement traġiku li fil-każ ta’ dawk b’Down Syndrome, in-nies jiddeċiedu li dawn it-trabbi aħjar jinqatlu milli jingħataw imħabba u jingħataw b’adozzjoni jekk il-ġenituri ma jkunux iriduhom. Każi bħal dawn juru nuqqas ta’ rispett għall-ħajja umana u l-valur tagħha”.
L-Avukat Ġenerali ta’ Ohio iddikjara li se jappella minn din is-sentenza tal-Imħallef Black. “Assolutament ma naqbilx mas-sentenza tal-Qorti li hemm xi dritt kategoriku għall-abort li ma jħalliniex niġġieldu d-diskriminazzjoni kontra klassi ta’ nies sempliċement minħabba xi diżabilita’. Aħna se nappellaw.” Sostna l-Avukat Ġenerali.