L-Avukat Ġenerali mhux imġiegħel iwieġeb minħabba sigriet professjonali

“L-Avukat Ġenerali mhuwiex xhud normali, hu marbut bis-sigriet professjonali  u jiġi eżentat biss mill-istess Gvern li hu l-klijent kollettiv tiegħu”.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal dan f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta Parlamentari tal-lejla, wara t-talba għal deċiżjoni mid-deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, wara l-laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-bieraħ.

Dan wara li lbieraħ l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech intalab biex jagħti x-xhieda tiegħu iżda dak il-ħin qamet il-kwistjoni dwar jekk l-Avukat Ġenerali jistax jiġi eżentat mis-sigriet professjonali li hu marbut bih, biex ikun jista’ jwieġeb jew le.

L-Ispeaker qal li l-Avukat Ġenerali għandu kariga Kostituzzjonali u li fil-funzjoni tiegħu jista’ jiġi mitlub mill-Gvern biex jagħti pariri. Għalhekk hu marbut bis-sigriet professjonali li jibqa’ jorbtu sakemm ma jiġix maħlul minnu jew jiġi ordnat minn awtorità superjuri bħal Qorti b’rabta ma’ xi reat kriminali.

Hu spjega li hu l-Gvern biss, b’dokument jew b’dikjarazzjoni, li jista’ jagħtih il-fakultà li jwieġeb u li jagħti dik l-informazzjoni li tkun taqa’ taħt is-sigriet professjonali.

Filwaqt li rrefera għal numru ta’ rulings fil-House of Commons, Anġlu Farrugia spjega li jekk l-Avukat Ġenerali, f’talba għal xhieda, iħoss li l-mistoqsijiet li jkunu qed isirulu jolqtu s-sigriet professjonali li bih hu marbut, huwa jista’ jagħżel li ma jweġibx.

Hu qal li għalkemm jifhem li jistgħu jqumu kwistjonijiet legali, dak li seħħ ilbieraħ hu każ partikolari li probbabli qatt ma nqala’ bħalu s’issa. Hu talab għas-sens komun u r-rieda tajba, u appella lill-membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex ma jidħlux f’dibattiti inutli li jżommu lura x-xogħol tal-Kumitat.