L-Avukat Ġenerali jressaq appell kontra l-ħelsien ta’ Scicluna

L-Avukat Ġenerali ressaq appell kontra l-ħelsien mill-arrest ta’ Gregorio Scicluna, li jinsab mixli bil-qtil ta' missier is-sieħba tiegħu f'Ottubru tas-sena l-oħra fil-Kalkara.
Scicluna ta’ 52 sena mill-Kalkara qed jaffaċċja 11-il akkuża, fosthom li qatel lil Joseph Caruana ta’ 61 sena mill-Kalkara wkoll. Jinsab akkużat ukoll b’attentat ta’ qtil tas-sieħba tiegħu u ta’ tnejn minn uliedhom li għandhom tliet snin u ħames snin.
Nhar it-Tnejn li għadda hu ngħata libertà proviżorja b’garanzija personali ta’ €30,000, u depożitu ta’ €30,000 oħra.
Iżda fl-applikazzjoni li tressqet fil-Qorti, l-Avukat Ġenerali qal li l-akkużat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji skont il-liġi sabiex jingħata dan il-ħelsien.
L-Avukat Ġenerali qal li Gregorio Scicluna hu riċediv u li kien diġà nstab akkużat li għin mara f’attentat biex toqtol lil żewġha. Minħabba f’hekk, qal li wieħed ma jistax jafda lil Scicluna.
Għalhekk, l-Avukat Ġenerali sejjaħ lill-Qorti Kriminali biex jirrevoka l-ħelsien u tordna li Gregorio Scicluna jerġa’ jkun arrestat.