L-Avukat Ġenerali jitlef l-appell għal sentenza eħrex għall-qattiel ta’ “il-Bona”

Read in English.

L-Avukat Ġenerali tilef l-appell biex Allan Galea jingħata sentenza aktar ħarxa, il-qattiel ta’ Anthony Borg, magħruf bħala “il-Bona.”

Fl-2015, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, tat lil Galea s-sentenza ta’ sitt snin ħabs talli qatel lil Borg b’daqqiet ta’ sikkina f’Marsaxlokk fl-2010. Is-sentenza mogħtija kienet ta’ omiċidju skużabbli u talli kien qed iġorr oġġett bil-ponta. Galea ma ngħatax sentenza għal għomru għaliex il-każ tqies bħala self-defence peress li l-vittma kellu pistola u spara xi tiri lejn il-ħati.

Madankollu, l-Avukat Ġenerali ma qabilx għalkollox ma’ din il-konklużjoni, għaliex allega li l-Imħallef influwenza lill-ġurija fl-aħħar indirizz tiegħu. Argumenta li dan ma kienx każ ta’ difiża sa barra għaliex Galea weġġa’ lill-vittma deliberatament.

Wara li l-każ reġa’ ġie evalwat, il-Qorti Superjuri tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, l-Imħallef Abigail Lofaro u l-Imħallef Edwina Grima, qalet li ma kien hemm l-ebda dubju li Borg miet wara li qala’ d-daqqiet mingħand il-ħati.

Il-Qorti osservat li l-ġurija setgħu faċilment jaslu għall-konklużjoni li waslu għaliha. “Il-Qorti tara li f’dawn iċ-ċirkustanzi ma tistax, issa fl-istadju ta’ reviżjoni, tinvadi t-territorju li l-liġi tirriżerva għall-ġurija u tbiddel ġudizzju li ma kienx tagħha,” ikkonkludew l-Imħallfin.