L-Avukat Ġenerali hu theddida għad-demokrazija – Adrian Delia

“L-Avukat Ġenerali qed jikser il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna meta suppost iħarisha. L-Avukat Ġenerali huwa theddida għad-demokrazija”.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia waqt li kien qed jitkellem waqt l-attivitajiet tal-PN fuq il-Fosos tal-Furjana, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza. Żied jgħid illi kien għalhekk li mar il-Qorti biex jisforza lill-Avukat Ġenerali jagħti r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant biex ma joħloqx żbilanċ politiku.

Irid jgħaqqad lill-partit

Lejn l-aħħar tad-diskors Delia qal li qed jaħdem biex jgħaqqad il-partit.  Huwa qal li jrid jirringrazzja lill-kapijiet li ġew qablu. Irringrazzja lil Ġorġ Borġ Olivier, lil Eddie Fenech Adami u lil Lawrence Gonzi, iżda f’dak il-ħin ma rringrazzjax ukoll lil Simon Busuttil.

Gvern bla pjan

Delia qal li għax hu b’saħħtu, il-Gvern mhux qed jimpurtah mis-soċjetà. Jista’ jkun naċċettaw li 70,000 ikunu fil-periklu tal-faqar waqt li 20,000 ma għandhomx biex jixtru t-tieni par żarbun u hawn nies jorqdu barra, qal il-Kap tal-PN.

Huwa qal li “konna naħsbu li ngħixu f’pajjiż demokratiku mingħajr ma tibża’ li hemm Gvern, iżda llum qed ngħixu taħt gvern li jrid ipattihielek”.

Delia kkritika lill-Gvern għax qal li ma għandux pjan. L-uniku pjan li għandu l-Gvern għall-ambjent qal Adrian Delia, huwa li jeqred lill-ambjent. “Irridu nibqgħu nieħdu n-nifs maħmuġ jew ngħumu fil-baħar maħmuġ? Xi rridu nagħtu lill-ġenerazzjonijiet futuri?”

Ir-rwol tal-Oppożizzjoni, qal il-Kap tal-PN, huwa li jkollu pjan għal kull settur bħall-ambjent, u għat-traffiku. Għall-kuntrarju akkuża lill-Gvern li n-nefqa kbira li qed jagħmel fis-settur tat-traffiku mhix maħsuba sew u “għalhekk indumu daqshekk fit-traffiku”.

Il-Gvern kien ikkritikat  minn Delia li ma għandux pjan fuq il-ħaddiema barranin li qed jinġiebu Malta. Fejn se jpoġġi lis-70,000 ruħ li se jġib fis-snin li ġejjin, staqsa Delia.

Skont Dr Delia l-Gvern lanqas ma għandu pjan għas-saħħa tant li qabad tliet sptarijiet u “b’kuntratt tan-niket tahom lil xi ħadd li m’għandux ġurnata esperjenza fis-settur”. Huwa żied jgħid li mar il-Qorti biex dawn l-isptarijiet jintraddu lura lin-nies.

“Bħala politiċi aħna rridu nagħmlu differenza. Ma jistax ikun li nħallu Gvern li f’kull deċiżjoni jara biss l-interessi personali miflok il-ġid komuni. Ma nistgħux nibqgħu ngħidu li l-aqwa l-but.”