L-Avukat Ġenerali b’dettalji dwar il-Whistleblower Russa

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali insista li hu bl-ebda mod ma seta’ għamilha faċli għal Maria Efimova, il-Whistleblowerfil-każ Egrant, biex tkun tista’ tħalli l-pajjiż minkejja li għad għandha każijiet pendenti l-Qorti u hija x-xhud ewlieni fl-inkjesta dwar Egrant.
Fi stqarrija, l-Avukat Ġenerali kien qed jirreaġixxi għal dawk li sejħilhom bħala allegazzjonijiet fuq il-midja soċjali.
Efimova, li kienet eksimpjegata tal-Bank Pilatus, kienet qalet li rat dokumenti li fuqhom kien hemm imniżżel isem mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat bħala s-sid benefiċċjarju tat-tielet kumpanija fil-Panama, li s-sid tagħha baqa’ mhux magħuf. Michelle Muscat u l-Prim Ministru dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.
Apparti dan, Efimova għandha każijiet oħra pendenti l-Qorti dwar frodi u miżapproprijazzjoni ta’ fondi tal-Bank Pilatus. Wara li xi ġimgħat ilu, Efimova kienet naqset milli titla’ l-Qorti, il-Maġistrat kien ordna li titressaq taħt arrest, iżda l-ġimgħa l-oħra sar magħruf li din telqet mill-pajjiż flimkien mal-familja tagħha.
L-Avukat Ġenerali fakkar li Maria Efimova kienet tressqet il-Qorti b’arrest f’Awwissu 2016 u li l-prosekuzzjoni ta’ dak iż-żmien ma kinitx oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, minkejja li, fi kliem l-Avukat Ġenerali, l-eksuffiċjal tal-Pulizija issa qed jgħid li kien oġġezzjona.
Kompla jgħid li għal aktar minn darba, l-akkużata kienet għamlet rikors biex titħalla s-siefer u li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ġieli oġġezzjona “minħabba l-periklu ta’ ħarba.”
F’rikorsi oħra, l-Avukat Ġenerali ma kienx oġġezzjona imma dejjem inisista li l-akkużata jingħatalha biss il-passaport Russu, li flimkien mal-permess ta’ residenza f’Malta u l-passaport intern Russu, kellha tiddepożitahom il-Qorti.
L-Avukat Ġenerali saħaq li l-passaport Russu kellu jkun ristrett biss għal safar fi Spanja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, fost kundizzjonijiet oħra.
F’riskors li għamlet f’April li għadda, l-Avukat Ġenerali kien aċċetta li tingħatalha wkoll il-Karta tal-Identità, u li anke din tkun limitata għall-użu ġo Spanja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka. Kien ippropona li l-akkużata tirritorna l-passaport Russu. Iżda l-Qorti ma kinitx laqgħet din it-talba.
Fil-fatt, l-istqarrija tispjega kif il-Qorti għad għandha l-Passaport Russu u l-permess ta’ residenza f’Malta tal-Whistleblower. Dan ifisser li Efimova ma użatx dawn id-dokumenti meta telqet minn Malta.
“Il-Whistleblower kienet ippersegwitata minn Muscat” – PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-aġir ta’ Joseph Muscat fil-konfront tal-whistleblowers hu wieħed kundannabbli għaliex joħroġ biċ-ċar li l-protezzjoni tal-whistleblowers tgħodd fejn jaqbillu biss.
Qal li meta whistleblower jikxef lil ħaddieħor, għal Muscat tkun eroj imma meta tikxef lilu stess, għal Muscat isir kriminal u suġġett għal kampanja ta’ intimidazzjoni u persekuzzjoni, anke fil-pubbliku minnu stess.
Il-Partit Nazzjonalista insista li ma hemm l-ebda dubju li l-whistleblower tal-kumpanija Egrant “spiċċat ippersegwitata minn Muscat”.
“Min qed jgħid il-verità m’għandux għalfejn jitlaq” -PL
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista qal li l-istqarrija tal-PN tikkonferma li Simon Busuttil rabat il-ħajja politika tiegħu fuq gidba mill-bidu sal-aħħar.
Insista li min qed jgħid il-verità ma għandux għalfejn jitlaq u li Simon Busuttil għadu qed jgħix f’gidba.
Temm jgħid li l-PN għandu jirrispetta l-proċess ta' investigazzjoni.