L-AUM tuża ġnien f’Santa Luċija mingħajr ma tħallas

L-Università Amerikana ta’ Malta użat il-Ġnien taċ-Ċiniżi f’Santa Luċija biex tiġbed xi filmati promozzjonali mingħajr ma ħallset, kif titlob il-proċedura.

Dan qaluh il-Kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija fi stqarrija, fejn urew id-diżappunt tagħhom fil-Kunsilliera Laburisti talli kisru l-proċedura meta ħarġu permess biex jinġibdu filmati għar-riklamar tal-Università mingħajr ħlas u minn wara dahar il-Kunsill Lokali kollu.

Il-Kunsilliera Liam Sciberras u Caroline Galea qalu li huma sejħu laqgħa urġenti tal-Kunsill ilbieraħ, li fiha, il-Viċi Sindku stess ammetta li ma kinux imxew mal-proċedura. Fil-fatt, kienu infurmati biss b’dan il-ftehim is-Sindku u l-amministrazzjoni tal-Kunsill.

Fi stqarrija mibgħuta mill-Kunsilliera Nazzjonalisti, huma insistew li suppost għandu jingħata ħlas meta jintuża l-Ġnien għal skopijiet promozzjonali. B’hekk, dan huwa nuqqas ta’ rispett lejn ir-residenti.

Is-Sindku qal lill-Kunsill li kien hemm il-Ministeru għall-Edukazzjoni wara din l-attività, u li kien se jurihom ittra b’konferma, iżda din l-ittra qatt ma waslet.

Komplew jgħidu li l-Kunsilliera Laburisti, li huma f’maġġoranza fil-Kunsill, ivvutaw kontra mozzjoni li ressqu Sciberras u Galea li fiha jipproponu li l-Kunsill jitlob lill-Università Amerikana għall-ħlas dovut, u li l-Kunsill jitlob lis-Segretarja tiegħu biex timxi strettament mal-liġi u ma toħroġx permessi mingħajr il-qbil tal-Kunsill kollu.