L-atturi oriġinali ta’ Jurassic Park fil-film li jmiss tad-dinosawri

Ritratt: Instagram

L-atturi oriġinali tal-film Jurassic Park li ħareġ fl-1993 se jerġgħu jingħaqdu flimkien biex jaħdmu fil-film li jmiss dwar is-sensiela tad-dinosawri. Sam Neill, Laura Dern u Jeff Goldblum issa se jidhru f’Jurassic World 3.

Il-film ta’ 26 sena ilu kien dirett minn Steven Spielberg u l-atturi ta’ dak iż-żmien, sal-lum, ilkoll dehru f’ħafna films ta’ suċċess, fosthom ukoll f’films tas-sensiela Jurassic.

Dern qalet li kienet eċċitata ħafn li se terġa’ tiltaqa’ ma’ ħbiebha waqt riċeviment dwar Jurassic World li sar f’Los Angeles nhar il-Tlieta. Waqt l-istess okkażjoni tħabbar li t-tlieta li huma kienu se jidhru flimkien ma’ Chris Pratt u Bryce Dallas Howard, l-atturi li ħadmu f’Jurassic World fl-2015 u f’Jurassic World: Fallen Kingdom  fl-2018.

L-istorja oriġinali tal-film Jurassic Park kienet ittieħdet mill-ktieb ta’ Michael Crichton, film li hu wieħed mill-aktar films li daħħal flus fl-istorja taċ-ċinema u rebbieħ ta’ tliet Oscars.

Jurassic World 3 mistenni joħroġ għall-ewwel darba fil-11 ta’ Ġunju 2021 fl-Istati Uniti.