L-attur veteran Manuel Cassar jagħlaq sninu

Awguri lill-attur u preżentatur veteran Manuel Cassar li llum qed jiċċelebra għeluq is-57 sena tiegħu. Twieled bħal-lum il-21 ta’ Lulju tal-1963.

Cassar, li huwa minn Raħal Ġdid, beda l-karriera tiegħu wara li għamel kors mal-MTADA u għal bosta snin kien jifforma parti mill-kumpanija teatrali Maleth. Kien jieħu sehem ukoll ma’ kumpaniji teatrali oħra bħal Talenti u l-MADC.

Bħala xandar fuq ir-radju kien u reġa’ qiegħed jippreżenta programmi fuq Radju Malta u għal perjodu taż-żmien kien jippreżenta programmi fuq l-istazzjon RTK, illum 103.

Fl-1996 Manuel Cassar kien rebaħ il premju tal-Awtorità tax-Xandir bħala producer tal-programm Drama Għat-Tfal. Kien ukoll jidher fil-programmi Daqshekk u Super News.

Bħala attur deher f’numru kbir ta’ sensiliet Maltin fosthom Vaganza f’Ħal Bla Ras, Issa Naraw, u Il-Misteru tal-Bombli tal-Fuħħar li dan l-aħħar reġgħu ixxandru fuq TVM.

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu.