L-attur Kirk Douglas u martu Anne Buydens jiċċelebraw 65 sena ta’ żwieġ; Għandhom 102 u 100 sena rispettivament

Ritratt: Bryan Bedder/gossipcop

L-attur Kirk Douglas, protagonist ta’ bosta films ta’ suċċess bħal Operation Pettycoat u Spartacus, illum jgħodd 102 sena. Martu Anne Buydens milux għalqet il-100 sena tagħha. Huma llum il-ġurnata qed jitqiesu wkoll bħala l-koppja li ilhom miżżewwġa f’Hollywood. Għadhom kif iċċellebraw l-65 anniversarju minn mindu żżewġu.

Huma żżewwġu nhar id-29 ta’ Mejju 1954. Iltaqgħu  fuq is-sett tal-film Lust for Life, fejn hi kienet taħdem bħala l-assistenta personali tiegħu.

F’dik il-ħabta Douglas kien ilu tlett snin iddivorzjat minn martu Diana Dill, li minna kellu żewġt ulied, l-attur Michael Douglas, li hu miżżewweġ lil Catherine Zeta-Jones, u l-producer Joel Douglas.

Miż-żwieġ tagħhom Kirk u Anne kellhom żewġ subien, Peter li hu producer, u Eric, attur li miet minn overdose ta’ alkoħol u drogi fl-2004.

il-koppja għandhom relazzjoni soda mmens għalkemm ma kienitx mxiet ħarir fil-bidu li ltaqgħu peress li hu kien f’relazzjoni mal-attriċi Pier Angeli. Anne kienet saħasnitra għenitu jagħżel iċ-ċurkett tal-għerusija għal Angeli.

Iżda bil-mod il-mod, Douglas u Buydens resqu lejn xulxin u żżewwġu fl-1954.

Fatt interessanti li ħareġ dan l-aħħar hi li fl-ewwel snin meta ma kienux għadhom flimkien bis-serjeta, hu kellu relazzjonijiet ma’ bosta nisa, hi organizzatu festin għal għeluq sninu u stiednet bosta nisa li kien magħhom.

Kien mument ħelu ta’ vendetta li nissel tbissima u beda jressaqhom lejn xulxin. Sal-lum il-ġurnata, aktar minn 65 sena wara, il-mara għad għandha ittri u noti ta’ mħabba li Douglas kien jibgħatilha meta kienu jkunu ‘l bogħod minn xulxin.

Bejniethom jgħoddu 202 sena llum il-ġurnata u l-imħabba u r-rispett ta’ bejniethom baqgħu jissaħħu aktar ma għaddew is-snin, tant li llum il-ġurnata jammettu li huma inseparabbli u ma jgħaddux mingħajr xulxin.