Aġġornata: L-attur John Suda akkużat b’attentat għal pudur fuq tfajla

L-attur veteran John Suda ngħata ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat b’attentat għal pudur fuq tfajla ta’ 22 sena.
John Suda ngħata l-ħelsien fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €3,000.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat beda jkellem lit-tfajla fuq Facebook wara li kienet waħda mill-finalisti għal programm televiżiv li kiteb hu.
Hu stidinha għal sessjoni ta’ prattika għall-irwol ta’ attriċi. Ħin minnhom hu sakkar il-bieb u żamm iċ-ċavetta fil-but. F’mument partikolari t-tnejn li huma kienu għarwenin. Dak il-ħin it-tfajla nfaqgħat tibki u talbitu twaqqaf is-sessjoni.
L-avukat difensur sostna li l-klijent kien qed jipprepara lit-tfajla għal xena fejn hi tisseduċi rġiel permezz ta’ avvanzi sesswali, fejn f’partijiet mix-xeni jkunu nofshom għarwenin.
Fuq il-midja soċjali John Suda kiteb li "kulħadd hu innoċenti sakemm jinstab ħati", u li fl-artikli qed tixxandar biss l-akkuża. 
Hu ħabbar li se jirtira minn produzzjoni 'Faith, Hope u Charity' li kien se jieħu sehem fiha l-ġimgħa d-dieħla.