Awguri lill-awtur u awtur Joe Gatt li llum qed jiċċelebra għeluq it-80 sena tiegħu. L-attur li bħalissa qed narawh fis-sensiela Għeruq li tixxandar nhar ta’ Sibt fuq l-istazzjon Xejk twieled bħal-lum, it-13 ta’ Ġunju tal-1940.
Joe Gatt huwa mill-Mosta u minn ċkunitu ħabb id-drama u l-kitba bil-Malti. Tul il-karriera tiegħu kiteb għadd kbir ta’ radjudrammi, xogħlijiet għall-palk u bosta kitbiet oħra. Matul is-snin ħa sehem f’bosta produzzjonijiet teatrali bħal In-Neputija tal-Kappillan, Min Qatel il-Kunjata?, It-Tieġ tal-Kunjata u Bejn Dallas u Dynasty.
Fuq it-televiżjoni rajnieh ukoll f’sensiliet bħal Intriċċi, Il-Madonna taċ-Ċoqqa u Ipokriti.
Għalkemm hu assoċjat mad-drama, għal bosta snin Joe kien ukoll kantant u fl-1963 kien rebaħ il-Malta Song Festival bil-kanzunetta L-Għanja ta’ Mħabbitna. Huwa kien jikkompeti wkoll fil-festivals bħala awtur f’bosta festivals. Fost il-kanzunetti magħrufa li ħarġu mill-pinna tiegħu insibu Mill-Jasar għall-Ħelsien, Ktejjeb Ċkejken u Mhux Jien Mamà!
Joe għandu wkoll tlett ulied u huwa wkoll nannu.

Awguri Joe!