L-attriċi Pia Zammit titlef libell kontra l-editur ta’ It-Torċa

Aġġornat 07:59 AM
Pia Zammit qorti

Read in English.

L-attriċi Pia Zammit tilfet libell li fetħet kontra l-editur ta’ It-Torċa, u ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż tal-każ.

Il-każ ta’ libell infetaħ f’Awwissu tal-2019, wara li l-gazzetta akkużat lill-attriċi li għandha simpatiji Nazisti.

Dan wara li deher ritratt ta’ Zammit fuq il-midja soċjali, li fih hi liebsa uniformi tan-Nazisti, u hi mdawra b’kollegi oħra tal-palk mill-produzzjoni tal-kummiedja tal-BBC Allo! Allo!, li hi bbażata fi Franza fi żmien il-gwerra. Il-produzzjoni kienet ittellgħet madwar 10 snin qabel ittella’ r-ritratt.

Il-gazzetta ppubblikat storja, flimkien ma’ informazzjoni mingħand persuna anonima, li tgħid li din id-dehra ta’ Zammit kienet ta’ offiża għal dawk li kienu vittmi tan-Nazisti.

L-attriċi malajr wieġbet għal dawn l-allegazzjonijiet, u qalet li li wieħed jgħid li xi ħadd għandu simpatiji Nazisti minħabba ritratt ta’ din il-persuna fi produzzjoni teatrali huwa pass żejjed. Skontha, dan sar intenzjonalment u b’mod malizzjuż.

Illum, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qalet li ngħatat il-kuntest tar-ritratt minn Pia Zammit. Semmiet ukoll kif il-kuntest kien ingħata prominenza fl-artiklu inkwistjoni.

Il-Qorti nnutat li Zammit stess qalet li r-ritratt ma kienx libelluż, u li l-faċċata tal-gazzetta u dak li kien hemm fuq ġewwa, ma kinux akkumpanjati minn lingwaġġ ta’ offiża. Il-Qorti ddikjarat li ma saret l-ebda ħsara serja lir-reputazzjoni tal-attriċi, u għalhekk, Zammit tilfet il-libell.

Fl-2019, Zammit fetħet każ ieħor ta’ libell kontra Sergio Galea Vincenti, talli f’kitba fuq Facebook, huwa sejħilha Nazista.

Il-Qorti stabbilixxiet preċedent perikoluż – MEIA

L-Assoċjazzjoni tal-Industrija tad-Divertiment u l-Arti f’Malta (MEIA) uriet it-tħassib tagħha fuq id-deċiżjoni tal-Qorti, u qalet li jekk il-Qorti ma tistax tagħmel differenza bejn l-artista u l-karattri li hi toħloq, mela llum ġie stabbilit preċedent serju u perikoluż.

Skont l-assoċjazzjoni, dan il-preċedent jhedded ix-xogħol tal-artist u l-libertà tal-espressjoni kreattiva.

L-MEIA esprimiet is-solidarjetà tagħha ma’ Pia Zammit. Temmet tgħid, “Meta waħda minna ma tkunx protetta, allura ħadd minna ma huwa protett. MEIA se tieħu l-passi kollha biex tipproteġi d-drittijiet tal-artist Malti.”

MEIA hija mħassba ħafna bis-sentenza dwar il-każ ta’ libell imressaq mill-attriċi Pia Zammit kontra It-Torċa. Jekk…

Posted by MEIA – Malta Entertainment Industry and Arts Association on Thursday, December 3, 2020

Il-Qorti pproteġiet lir-reġim mill-kritika ta’ artista u attivista – Repubblika

Repubblika wriet tħassib li din id-deċiżjoni tal-Qorti qed turi li “m’hemm xejn fil-liġi li jżomm lill-partiti politiċi milli jisfruttaw il-libertà tal-espressjoni biex jużaw il-mezzi tagħhom biex jipprovaw isikktu lil min jikkritikahom.”

Skont Repubblika, bl-użu ta’ dak ir-ritratt, l-editur ta’ It-Torċa ried li l-qarrejja tiegħu jiffurmaw l-opinjoni li persuna li kienet qed tipprotesta kontra l-Gvern li tappoġġja t-Torċa, kienet Nazista jew ma kinitx tieħu bis-serjetà l-ħażen tan-Naziżmu.

Dan għaliex Pia Zammit hija attivista.

Fl-opinjoni tal-għaqda tas-soċjetà ċivili, il-fatt li l-Maġistrat Montebello sejħet li atturi jieħdu sehem f’kummiedja bħal Allo! Allo! att “insensittiv,” juri apprezzament żbaljat tal-irwol tat-teatru f’soċjetà demokratika, u falliment ta’ apprezzament ta’ x’kienet il-kummiedja nnifisha. Repubblika spjegat li, “Din hi kummiedja li tuża l-ironija, is-sarkażmu, ir-redikolu, u l-assurd biex iżżeblaħ u tikkritika lit-tirranija Nazista mingħajr ma taħfrilha xejn għall-krudeltà u l-krimini tagħha.”

Repubblika kompliet tgħid li l-Qorti llum ipproteġiet lir-reġim, u lill-propagandista li jaħdem għalih, mill-kritika ta’ artista u attivista.

Lesta mmut għal-libertà tal-espressjoni – Pia Zammit

Intant, Pia Zammit irreaġixxiet billi fuq Facebook, irringrazzjat lil kull min bagħtilha xi messaġġ illum u wrieha li mhux hi biss sabet id-deċiżjoni tal-Qorti assurda.

Qalet li jiġri x’jiġri, hi se tibqa’ tiġġieled għal-libertà tal-espressjoni, u beħsiebha tmut għaliha. Appellat lill-istudenti tagħha biex ma jħallux każ bħal dan iwaqqafhom milli jesprimu ruħhom u jsemmgħu leħinhom.

Zammit qalet ukoll li għadha qed tiddiskuti l-pass li jmiss mal-avukat tagħha.