L-attriċi Angie Dickinson illum tagħlaq 88 sena

Angie Dickinson, magħrufa l-aktar bħala Police Woman, illum tiċċelebra għeluq it-88 sena tagħha.

Hija twieldet f’Kulm, North Dakota fl-Istati Uniti nhar it-30 ta’ Settembru 1931, it-tieni fost l-erba’ ulied bniet ta’ Frederica u Leo H. Brown. Il-familja kienet ta’ dixxendenza Ġermaniża u trabbiet bħalha Kattolika.  Missierha kien editur ta’ ġurnal. Meta spiċċat l-iskola l-intenzjoni tagħha kienet li ssir kittieba.

Fl-1952 iżżewġet lil Gene Dickinson u sena wara ġiet it-tieni f’konkors ta’ sbuħija. Iddeċidiet li tibda tfittex opportunitajiet bħala attriċi u bdiet tidher f’numru ta’ programmi televiżivi fosthom The Colgate Comedy Hour. Wara xi żmien iltaqgħet ma’ Frank Sinatra. Saru ħbieb kbir u baqgħu f’kuntatt ma’ xulxin tul is-snin. 

Kien lejlet is-sena l-ġdida tal-1954 li Dickinson iddebuttat fuq it-televiżjoni f’Death Valley Days. Dan id-debut wassal  għal partijiet oħra f’numru kbir ta’ produzzjonijiet. Fl-1957 dehret ma’ Richard Boone f’Have Gun Will Travel u fl-1965 bdiet tidher minn żmien għall-ieħor f’Dr. Kildare.

Fuq iċ-ċinema bdiet b’partijiet żgħat f’Lucky Me (1954) ma’ Doris Day, The Return of Jack Slade (1955), Man with the Gun (1955) u Hidden Guns (1956). L-ewwel parti importanti kienet f’Gun the Man Down (1956) ma’ James Arness. Wara kien imiss il-film China Gate (1957).

Riduha tagħmel xagħarha isfar bħal ta’ Marilyn Monrow u Jayne Mansfield iżda hi rrifjutat għax ħasset li dan seta’ jkollu mpatt negattiv fuq il-karriera tagħha. Aċċettat pero li jiċċarawlha l-kulur ta’ xagħarha. Kompliet taħdem f’aktar films fosthom Shoot-Out at Medicine Bend (1957) ma’ James Garner, Rio Bravo (1959) kif ukoll The Bramble Bush ma’ Richard Burton u Ocean’s 11 ma’ Dean Martin u Frank Sinatra. Dawn it-tnejn tal-aħħar ħarġu fl-1960.

Fis-Snin 60 ħadmet f’numru kbir ta’ produzzjonijiet oħra bħal A Fever in the Blood (1961), The Sins of Rachel Cade (1962), Rome Adventure (1962), Jessica (1963), The Killers (1964), The Art of Love (1965), Point Blank (1967), Young Billy Young (1969) u Sam Whiskey (1969).

Kien f’Marzu 1974 li Dickinson marret lura fuq it-televiżjoni biex taħdem f’puntata mis-serje Police Story. Dik id-dehra kienet tant popolari li l-istazzjon NBC offra lill-attriċi serje regolari bl-isem ta’ Police Woman. Għall-ewwel hi ma tantx kienet interessata iżda aċċettat. Interpretat lil Sgt. Leanne “Pepper” Anderson. Kienet suċċess kbir tant li fl-ewwel sena tagħha Police Woman kienet l-iktar serje segwita f’bosta pajjżi madwar id-dinja. Is-sensiela nħadmet bejn l-1974 u l-1978 u b’kollox kien hemm 92 puntata. Is-suċċess fenomenali ta’ Police Woman wassal biex jinħadmu bosta serje polizjeski oħra fejn il-protagonisti kienu nisa. Dawn kienu jinkludu sensiliet bħal Charlie’s Angels, Bionic Woman, Wonder Woman u Cagney & Lacey.

Matul is-snin 80 Dickinson irritornat fl-iskrin il-kbir permezz ta’ Dressed to Kill. Il-parti wasslitha biex tirbaħ l-unur tal-aqwa attriċi fis-Saturn Awards. Fl-1981 offrewlha l-parti ta’ Krystle Carrington fis-soap opera Dynasty iżda rrifjutat. Il-parti ħaditha Linda Evans. L-aħħar film li dehret fih kien Mending Fences tal-2009.

Dickinson kienet miżżewġa darbtejn. L-ewwel lill-plejer tal-futbol Gene Dickinson bejn l-1952 u l-1960 u wara lil Burt Bacharach. Damu miżżewġa għal 15-il sena. Kellhom tifla, Nikki, li kellha problemi bil-vista. Meta kellha 40 sena kkommettiet suwiċidju.

Illum il-ġurnata l-gost ta’ Angie Dickinson hu l-ġnien, il-tkabbir tal-fjuri u l-kura tas-siġar.