L-attivitajiet tal-PN għall-Indipendenza se jibdew mit-18 ta’ Settembru

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-festi tal-Indipendenza, bit-tema ‘Il Quddiem’.

L-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista se jibdew mit-18 ta’ Settembru u se jintemmu fil-21 ta’ Settembru.

Din is-sena l-mass meeting bid-diskorsi mill-amministrazzjoni tal-Partit se jsir fil-Jum tal-Indipendenza u mhux lejliet.

L-attivitajiet se jibdew b’mixja li se tibda minn Fluer de Lys u se tintemm fuq il-Fosos tal-Floriana.

Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Viċi Kap Beppe Fenech Adami sostna li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien il-partit li għaraf kif imexxi lil Malta l-quddiem u għalhekk intgħażlet din it-tema għall-festa ta’ din is-sena.

Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali, Chris Said li żvela kif tlesta ix-xogħol tal-Kummissjoni responsabbli mill-proposti għall-emendi tal-istatut u r-rapport se jiġi diskuss f’Ottubru.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jorganizza Konferenza Ġenerali Straordinarja sabiex jiddiskuti l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport mal-fergħat kollha tal-partit.

Mistoqsi dwar il-qagħda finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said qal li l-mira tal-Partit Nazzjonalista huwa li l-finanzi jerġgħu jiġu fis-sod sal-aħħar tax-xahar.

Qal li l-arretrati fil-pagi tal-ħaddiema mistennija li jitħallsu kollha.