L-attivitajiet li m’għandekx titlef waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali

Read in English.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali issa jinsab wara l-bieb, u bi kważi
60 attività mferrxa fuq ħamest ijiem organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-eżebituri parteċipanti, il-programm tal-Festival se jolqot lil firxa wiesgħa mill-pubbliku
b’interessi diversi.

Mistiedna internazzjonali
Bla dubju ta’ xejn l-attività ewlenija ta’ din is-sena hija l-konverżazzjoni bejn il-ġgant tal-letteratura dinjija u l-mistieden speċjali Sir Salman Rushdie u ġgant ieħor tal-letteratura lokali Dr Alfred Sant. Din il-konverżazzjoni se titmexxa minn Prof Clare E Vassallo, u se tiffoka fuq il-kisbiet, l-influwenzi u t-tħassib kurrenti ta’ dawn iż-żewġ kittieba kbar u l-ambjent kulturali tagħhom. L-avveniment jixxandar l-Erbgħa 11 ta’ Novembru fis-7pm.

L-għada, il-Ħamis 12 ta’ Novembru fos-6.30pm se tixxandar sessjoni diġitali ta’ Mistoqsija u Tweġiba ma’ Sir Salman Rushdie, li fiha se jipparteċipaw 20 student mill-Università u 20 persuna mill-pubbliku ġenerali. Ipparteċipa billi tibgħat il-mistoqsija li kieku tistaqsi lil Rushdie fuq michael.mercieca@gov.mt sa mhux aktar tard mis-Sibt 31 ta’ Ottubru.

It-talent lokali tal-pubblikazzjoni mogħti l-attenzjoni li jistħoqqlu
Kull sena l-KNK juża l-Festival biex jippromwovi l-Letteratura Maltija lil hinn minn xtutna fit-traduzzjoni. Għalhekk il-Ħamis 12 ta’ Novembru fit-8pm se tixxandar diskussjoni bejn
kittieba, tradutturi u pubblikaturi lokali u barranin dwar il-qawwa trasportattiva tal- letteratura maqluba f’ilsna oħra, b’referenza għax-xogħol Malti tradott. Wieħed mill-parteċipanti se jkun mistieden internazzjonali ieħor tal-Festival – Eran Katz, kittieb ta’ kotba li nqalbu fi 17-il lingwa u kisru rekords ta’ bejgħ f’aktar minn għaxar pajjiżi differenti, u kelliem dwar il-ħiliet speċjali tal-moħħ.

Avveniment ieħor ta’ interess għal dawk li tinteressahom letteratura impenjata soċjalment, u biex ikunu jafu min qed jipprotesta billi jikteb, huwa ‘Kliem il-Protesta’ li se jixxandar is-Sibt 14 ta’ Novembru fis-7pm. Se jiltaqgħu Karl Schembri, Wayne Flask, Nadia Mifsud Mutschler u Zvezdan Reljiç f’diskussjoni mmoderata minn Dr Adrian Grima dwar il-forom varji tal-espressjoni ta’ protesta f’Malta u l-kelma miktuba.

Jekk hawn min ġieli waqaf jaħseb dwar kemm qarrej huwa liberu f’dak li jaqra, għandu jsegwi d-diskussjoni ‘Iħalluna naqraw dak li jridu biss?’, li se tiffoka fuq kif rivisti letterarji, listi tal-aqwa kotba, premjijiet tal-kotba, Goodreads u BookTube jaffettwaw u jiddettaw l-għażliet tal-qarrejja, tal-kittieba u saħansitra tal-pubblikaturi. L-avveniment jixxandar il-Ħadd 15 ta’ Novembru fias-6.30pm.

Filwaqt li f’ċirkustanzi normali s-serata tal-għoti tal-premjijiet tal-Premju Terramaxka tkun privata, dis-sena l-pubbliku jista’ jsegwiha. Is-serata se ssir it-Tlieta 10 ta’ Novembru u tixxandar fis-7pm.

Din hija okkażjoni tajba għal dawk li jixtiequ jkunu jafu liema kienu l-aħjar kotba għat-tfal u l-adolexxenti ppubblikati s-sena l-oħra, speċjalment il-ġenituri u l-għalliema. Ċerimonja oħra mhux ta’ min jitlifha hija dik tal-għoti tal-premjijiet lill-poeti rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef, nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru fis-7pm. Dan l-avveniment se jinkludi qari tal-poeżiji rebbieħa u qari ta’ poeżija oħra.

Finalment, dis-sena l-pubbliku jista’ jara dokumentarju esklussiv dwar il-karriera letterarja ta’ Dr Alfred Sant li sar apposta sabiex ifakkar ir-rebħ tal-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba, li Sant rebaħ fl-2019. Id-dokumentarju sar minn Take//Two u se jeżebixxi l-ħila letterarja ta’ Sant skont kif tixref minn ħames kotba ewlenin tiegħu.

Festival għat-tfal u l-adolexxenti

Udjenza importanti ħafna tal-Festival hija t-tfal u l-adolexxenti. Il-KNK ħejja programm ta’ addattamenti ta’ kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka li se jixxandru online u li se jibqgħu disponibbli b’mod permanenti bħala materjal edukattiv għall-għalliema. Tim ta’ atturi mmexxi minn Antonella Axisa se jaddatta l-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta’ dis-sena, li nħabbru t-Tlieta 10 ta’ Novembru, filwaqt li Danusan se juru xows improvizzati fit-toroq dwar ħames kotba tal-passat rebbieħa tal-Premju, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adolexxenti. Ix-xows tat-tim ta’ Antonella jixxandru l-Erbgħa 11 u l-Ħamis 12 ta’ Novembru, filwaqt li x-xows ta’ Danusan jixxandru wieħed f’kull jum tal-Festival.

Wara s-suċċess bix-xow bl-Ingliż is-sena l-oħra, dis-sena rġajna ħsibna għall-istudenti li ma jitkellmux bil-Malti, u għalhekk Eran Katz se joffri xow ‘Is-Sigrieti ta’ Memorja b’Saħħitha’. Bis-saħħa ta’ doża qawwija ta’ umoriżmu, eċitament u sorpriżi, Katz se jirrivelalkom tekniki straordinarji biex issaħħu l-qawwa tal-memorja.

Il-programm għal dis-sena fih attivitajiet differenti fosthom tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat mal-awturi, gruppi ta’ ħidma, diskussjonijiet u damma ta’ attivitajiet għat-tfal. Għall-programm sħiħ tal-attivitajiet żur ktieb.org.mt/mt/programme/.

L-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 se ssir bejn l-Erbgħa 11 u l-Ħadd 15 ta’ Novembru. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Facebook tal-KNK u s-sit tagħna www.ktieb.org.mt

Dan it-tagħrif twassal mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.