L-attività fi Strada Stretta m’għandhiex tkun qrib ir-residenti

L-ikbar attività fi Strada Stretta, fil-Belt Valletta, fejn qed jiġi propost li jsir multicultural hub, mistennija tikkonċentra fl-inħawi fejn hemm ħafna bini vojt u abbandunat għal snin twal. Il-parti l-kbira tar-residenti ta’ din it-triq jgħixu fil-periferija tagħha u għalhekk saret id-distinzjoni ta’ fejn tiġi kkonċentrata l-attività kulturali.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed iwieġeb għal Mistoqsijiet Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech dwar il-pjani tal-Gvern għal din it-triq.
Il-Prim Ministru spjega li minkejja li l-politika li qed tiġi proposta tinkludi klawsola biex bars u postijiet tal-mużika f’din il-parti tat-triq ikunu jistgħu jibqgħu miftuħa fit-tard, dan ma jfissirx li jkunu liberi li jagħmlu kull ma jridu. Spjega li l-intenzjoni tal-Gvern mhix li Strada Stretta tkun sempliċement żona oħra ta’ divertiment imma li jkollha enfasi fuq kultura, b’rispett lejn l-ambjent storiku tal-post u l-użu l-ieħor tal-madwar.
Il-Prim Ministru qal li waqt konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali tal-Belt Valletta dwar din it-triq, il-MEPA rċeviet sottomissjoni waħda fil-ħin u żewġ sottomissjonijiet wara li kien għalaq il-perjodu ta’ konsultazzjoni. Speċifika li dik li daħlet fil-ħin ġiet ippubblikata mad-dokument ta’ policy li dwaru għalaq perjodu ieħor ta’ konsultazzjoni  l-ġimgħa li għaddiet.
Spjega wkoll li saret laqgħa pubblika fil-Belt li għaliha seta’ jattendi kulħadd. Qal ukoll li fost dawk li attendew kien hemm is-sindku tal-Belt Valletta li ressaq diversi punti li issa se jittieħdu in kunsiderazzjoni waqt ir-reviżjoni tal-politika.
Ilbieraħ filgħaxija waqt l-istess seduta Parlamentari, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li l-MEPA approvat 9 boutique hotels biex ikompli jingħata nifs ta’ investiment u ħajja lill-Belt Valletta