L-attakki ta’ Pariġi f’Jannar: Coulibaly kellu email bi struzzjonijiet

Amedy Coulibaly, wieħed mit-tliet persuni f’Pariġi li f’Jannar wettqu sensiela ta’ attakki terroristiċi, kien irċieva struzzjonijiet b’email biex jaħdem waħdu u “jerġa’ jibda diversi drabi”.
Stazzjon televiżiv Franċiż, BFM, żvela li email li nstabet fil-kompjuter tiegħu tatu l-parir biex jevita ċ-ċentru ta’ Pariġi, minħabba s-sigurtà li kienet żdiedet wara l-attakk tal-aħwa Kouachi, imma jagħżel hu l-mira li kien imiss biex jolqot żgur.
Coulibaly qatel pulizija-mara, l-għada tal-attakk fuq Charlie Hebdo, imbagħad l-għada, issekwestra u beda joqtol għadd ta’ persuni f’supermarket Lhudi sakemm il-Pulizija qatlitu u lliberat il-bqija.
Ir-rapport jgħid li fl-email, lil Coulibaly intqal biex jagħmel kuntatt mal-aħwa Kouachi u biex jagħmel filmat, waqt li wiegħduh li kienu se jieħdu ħsieb lis-sieħba tiegħu, li ħarbet minn Franza lejn is-Sirja qabel l-attakki.
Skont il-Pulizija, l-email intbagħtet minn account falz ibbażat fl-Istati Uniti u għalhekk ma jistgħux jaslu għall-identità ta’ min bagħatha, imma kollox jindika li ħarġet mis-Sirja.
Coulibaly kien esprima l-alleanza tiegħu għall-Istat Iżlamiku u l-aħwa Kouachi, tal-attakk fuq Charlie Hebdo, għall-al-Qaeda fil-peniżola Għarbija.