L-attakki jsaħħu s-suspett li Dr Busuttil hu parti mill-frodi kontrija- John Dalli

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli qal li l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament jsaħħu s-suspett “li hu parti minn frodi” li twettqet kontrih fl-2004.
Fi stqarrija bi tweġiba għal dak li qal Dr Busuttil ilbieraħ, John Dalli qal li hu fl-ebda mument ma bagħat messaġġ lil Giovanni Kessler, id-Direttur tal-OLAF, li jekk jiġi Malta jkun arrestat.
Dwar il-mistoqsija ta’ Dr Busuttil lill-Ministru għall-Intern Manuel Mallia, dwar jiġiex arrestat Barroso jekk jiġi Malta, l-eks Kummisarju Ewropew qal li kien iwieġeb iva.
John Dalli staqsa jekk Dr Busuttil kienx Brussell fit-8 ta’ Lulju, jekk iltaqax ma’ Borroso jew xi membru tal-Kummissjoni u jekk kienx Barroso stess jew xi ħadd mill-Kummissjoni li staqsih dil-mistoqsija.
Dalli qal li t-tieni investigazzjoni fil-konfront tiegħu “mhi xejn ħlief kampanja fil-midja tal-Kummissjoni u l-OLAF biex iħamġuni u jintimidawni.” Żied li Simon Busuttil “hu parti minn din il-kampanja” u akkuża wkoll lill-Kessler bi ksur ta’ obbligu tal-kunfidenzjalità.
L-eks Kummisarju Ewropew saħaq li hu lest li jippublika l-korrispondenza li għandu mal-OLAF u li lest jieħu passi oħra meħtieġa.