“L-attakki inġusti jirriżultaw f’attakki fiżiċi fuq il-Pulizija”

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li parti mir-raġuni li l-attakki fiżiċi fuq uffiċjali tal-Pulizija aktarx żdiedu fl-aħħar xhur, hu anki għall-fatt li r-rispett lejn il-Pulizija naqas minħabba attakki inġusti fuqhom. Enfasizza li dan mhux aċċettabbli.
Waqt iċ-ċerimonja tat-teħid tal-ġurament ta’ kuntistabbli riżervi, il-Ministru ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jitressaq abbozz quddiem il-kabinett li se jipproponi li jiħraxu l-pieni għal min jinstab ħati ta’ attakki fiżiċi fuq uffiċjali tal-Pulizija.
Barra minn hekk, Farrugia tkellem ukoll dwar il-ftehim kollettiv tal-Pulizija, u qal li fl-aħħar jiem saret, fi kliemu, “qabża kbira” biex jiġi ffinalizzat, għajr għal xi “tnietex żgħar”, kif deskritti minnu.
Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Korp u hemmhekk jingħadu d-dettalji kollha u x’passi se jkunu qed jittieħdu fuq it-talbiet tal-Pulizija.
Farrugia qal li se jkun qed isir xogħol strutturali biex jitjiebu l-postijiet tal-ħidma tal-uffiċjali tal-Pulizija, ewlenin fosthom l-għases, kif ukoll se jkun hemm investiment deskritt bħala “l-akbar wieħed” fit-Taqsima kontra l-Frodi.
Tkellem ukoll dwar tisħiħ fis-Cyber Crime Unit u fis-setturi tal-forensika u tat-taħriġ, kif ukoll se jinxtara apparat ġdid.
Il-Ministru temm jgħid li jħossu kburi li fl-aħħar xahrejn mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ħadem spalla ma’ spalla mal-Pulizija, u enfasizza l-fiduċja sħiħa fihom.