L-attakki fuq il-minoritajiet qed jagħmlu ħsara lill-Indja

Qed jikber it-tħassib tal-Knisja Kattolika fl-Indja u fost komunitajiet reliġjużi oħra, minħabba attakki sporadiċi fuq istituzzjonijiet u membri ta’ minoritajiet reliġjużi f’diversi partijiet tal-pajjiż.
“Dawn l-atti ta’ vjolenza huma kontra l-liġi u jagħmlu ħsara lill-pajjiż. Jekk il-Gvern iwaqqafhom dan inaqqas il-biża’ fil-komunitajiet u jiskoraġixxi aktar vjolenza”.
Dan qalu l-Kardinal Oswald Garcias, li għadu kif inħatar President tal-Konferenza Episkopali Indjana, f’laqgħa li kellu nhar it-Tlieta li għadda mal-Prim Ministru Indjan , Marendra Modi, fl-uffiċċju tiegħu fil-Parlament.
Il-laqgħa bejn il-Kardinal u l-Prim Ministru saret f’atmosfera serena u miftuħa u ż-żewġ naħat iddeskrivewha bħala laqgħa li tawgura tajjeb.
Il-laqgħa serviet ukoll bħala “okkażjoni biex tfakkar il-kontribuzzjoni storika tal-Knisja għall-bini tal-pajjiż u l-ħidma tagħha favur il-poplu Indjan partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa u s-solidarjetà”, qal il-Kardinal Garcias.  Huwa qal li konxja tal-isfidi kbar li l-pajjiż għandu quddiemu, “il-Knisja trid tkun parti fil-proġett kbir tal-bini tan-nazzjon” bil-ħidma tagħha dejjem orjentata lejn il-ġid komuni tal-pajjiż.
Fil-laqgħa l-Kardinal Garcia ddiskuta wkoll mal-Prim Ministru l-possibbiltà li l-Papa Franġisku jżur l-Indja.
Hu qal li Papa Franġisku hu l-Kap tal-Knisja Universali li hu mfaħħar madwar id-dinja kollha u apprezzat minn persuni ta’ twemmin differenti. Hu qal li żjara bħal din tħalli benefiċċji fit-tul għall-pajjiż kollu.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Modi assigura lill-Kardinal Garcias li l-ewwel prijorità tal-Gvern hu l-ġid komuni tan-nies u l-eradikazzjoni tal-faqar.
Sostna li hu “l-Prim Ministru tal-Indjani kollha irrispettivament mir-razza u t-twemmin tagħhom".  Qal li hu dejjem lest li jeżamina l-kwestjonijiet kollha li jitressqu quddiemu.