​L-attakki fnewha, imma baqgħet soda – Ir-raġel ta’ Daphne

Ir-raġel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Peter Caruana Galizia, qal li minkejja l-attakki kontinwi li martu kienet tiffaċċja hi baqgħet soda u baqgħet tikteb.
F’intervista ppubblikata fuq is-sit Times of Malta bħala parti mill-Proġett Daphne, ir-raġel tal-ġurnalista qal li ma kinitx kuntenta lejn l-aħħar ta’ ħajjitha. Fi kliemu, Caruana Galizia kellha qoxra iebsa, imma kienet vulnerabbli.
Peter Caruana Galizia qal li martu kienet tidher anzjuża minħabba l-effett ta’ diversi kwsitjonijiet. Fosthom semma d-diversi libelli u l-attakki kontinwi kkordinati mill-Partit Laburista.
Żied jgħid li meta ġie elett Adrian Delia bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, din ma kinitx aħbar sabiħa għaliha. Qal li spiċċat fil-mira taż-żewġ partiti l-kbar ta’ Malta.
Peter Caruana Galizia qal li qatt ma ħass li kellu dritt jgħidilha tieqaf tikteb. Qal li “wara l-aħħar elezzjoni f’Ġunju tal-2017, hi kkunsidrat li tieqaf għax ħasset li xogħolha ma kienx qed jgħin. Infatti ma kitbitx għal numru ta’ ġimgħat wara l-elezzjoni.” Żied jgħid li madanakollu, reġgħet bdiet tippubblika ftit wara.
Waqt l-intervista, ir-raġel tal-ġurnalista assassinata qal li fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni li tkompli tikteb ma kienx riskju ta’ min jieħdu għax mietet.