“L-Att dwar il-Protezzjoni tal-embrijuni kif inhu ma jiddiskriminax”

Il-Professur Emmanuel Agius qal li mhux minnu li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-embrijuni joħloq diskriminazzjoni. Mhux minnu wkoll li l-liġi eżistenti għandha tinbidel minħabba xi sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-grupp ta’ esperti li ħejja dan id-dokument wasal għal din il-konklużjoni wara li studja s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
F’laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Simon Busuttil, il-Prof Agius ippreżenta l-ewwel studju dettaljat li ġie ppreżentat lill-politiċi u lis-soċjetà Maltija, wara li l-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jsir tibdil fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-embrijuni tal-2012.
Dun Emmanuel Agius wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-embrijuni ma ppublikatx ir-rata tat-twelid permezz tal-IVF fl-Isptar Mater Dei u fil-kliniċi privati, matul l-2014.
Il-Prof. Agius, li ppreżenta d-dokument bil-pożizzjoni tal-Knisja, qal li minkejja li qed jingħad li l-bidla fil-liġi eżistenti għandha ssir biex ikun hemm rata ogħla ta’ suċċess, ir-rapport li ħarġet l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-embrijuni fl-2014, juri li r-rata ta’ fertilizazzjoni f’Malta hi meqjusa bħala tajba ħafna u fl-istess livell ta’ dik tal-Ingilterra u ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Dan minkejja li l-każi ta’ IVF li saru f’Mater Dei huma każi meqjusa ta’ riskju għoli għaliex jinvolvu persuni ta’ età mhux zgħira.
Spjega li dan ir-riżultat inkiseb mingħajr ma jiġu ffriżati l-embrijuni umani iżda billi tintuża t-teknoloġija ta’ oocyte vitrification (l-iffrizar tal-bajd), liema teknoloġija ma toħloqx dilemmi etiċi u morali kif joħloq l-iffriżar tal-embrijuni.
Il-Prof. Agius kompla jispjega li d-dokument ta’ pożizzjoni jikkonkludi li t-tagħrif xjentifiku u r-riżultati miksuba lokalment fit-trattament bl-IVF s’issa juru li l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni f’Malta la hu meħtieg xjentifikament u lanqas hu raġonevoli.
Dan id-dokument tħejja minn grupp ta’ 22 espert fl-oqsma tal-mediċina, il-liġi, il-psikoloġija, il-politika soċjali, l-istudji tal-familja, l-istudji tad-diżabbiltà, il-filosofija u t-teoloġija. Dan il-grupp ta’ esperti kien imqabbad mill-Konferenza Episkopali Maltija.
Nhar it-Tlieta, il-Knisja ppreżentat lill-Prim Ministru Joseph Muscat, id-dokument bil-pożizzjoni tagħha dwar it-tibdil li l-Gvern qed iħejji għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.