“L-Att dwar il-Protezzjoni huwa importanti għal-livell tal-għajxien tat-tfal”

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca appella għall-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal bħala parti iktar komprensiva tal-Att dwar it-Tfal.
Sostniet li l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, li jinsab f’forma ta’ abbozz quddiem il-Parlament, huwa ferm importanti biex jissaħħaħ il-livell tal-għajxien tat-tfal.
Il-President ta’ Malta qalet dan meta kienet qed tindirizza l-għeluq ta’ diskussjoni li saret biex tfakkar il-Jum internazzjonali għall-Protezzjoni tat-Tfal.
Coleiro Preca qalet li filwaqt li hawn eżempji ta’ prattiċi tajba, in-nuqqas ta’ qafas legali qed tnaqqar lill-professjonisti milli jiżguraw li d-drittijiet tat-tfal qed jiġu mħarsa skont il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Din id-diskussjoni ġiet organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Benesseri tas-Soċjetà u għaliha attendew għadd ta’ professjonisti fl-edukazzjoni, is-saħħa, legali u l-ħarsien tal-liġi.