L-Att dwar il-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi mhux effiċjenti – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li l-immaniġjar, il-kontabbiltà fil-fondi pubbliċi u r-riżorsi, u l-kontroll u l-awditjar tagħhom għandhom iwasslu għal standards etiċi u professjonali u responsabbiltà politika.

Skont stqarrija maħruġa mill-PD, il-partit jista’ jitlob vot fit-tielet qari tal-Att dwar il-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi. Dan l-Att jirregola l-immaniġjar finanzjarju tal-gvern iżda skont il-PD qed jonqos milli jelenka l-prinċipji ta’ amministrazzjoni pubblika u r-responsabbiltà ministerjali bħala prinċipji kostituzzjonali infurzati. Il-PD qal ukoll li dan ma joffrix protezzjoni effettiva u effiċjenti fl-immaniġjar tal-assi, d-dħul u l-ħruġ tal-flus, u d-dħul u l-ispiża tal-gvern.

Godfrey Farrugia qal li hu importanti li fost l-oħrajn ikunu definiti r-responsabbiltajiet tal-impjegati pubbliċi li huma fdati bl-immaniġjar finanzjarju tal-gvern. Hu qal ukoll li għandu jkun hemm l-obbligu li jsir skrutinju parlamentari fil-livelli kollha ta’ governanza.