L-atleti tal-ġirja għall-paċi Sri Chinmoy iżuru l-iskejjel Maltin

Atleti minn pajjiżi differenti tad-dinja jinsabu f’pajjiżna biex jippromwovu l-paċi, f’ġirja magħrufa bħala Sri Chinmoy Oneness-Home Peace Run u qed iżuru numru ta’ skejjel.
L-għan prinċipali ta’ dawn iż-żjarat, li qed isiru f’aktar minn mitt pajjiż madwar id-dinja, huwa li jinxtered messaġġ favur il-paċi u t-tolleranza, b’rispett sħiħ lejn id-diversità.
Iż-żjarat fl-iskejjel, li huma mifruxa fuq tliet ijiem, bdew mill-iskola ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita fejn kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Chris Agius.
L-attività ta’ dalgħodu kompliet fl-Iskola Medja ta’ Ħal-Tarxien tal-Kulleġġ San Tumas More, l-Iskejjel Primarji ta’ Ħal-Għaxaq fi ħdan il-Kulleġġ San Benedettu, dik ta’ Ħal Luqa fi ħdan il-Kulleġġ Sant’ Injazju u spiċċat fl-Iskejjel Primarji ta’ Raħal Ġdid tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca.
Għada filgħodu dawn l-atleti ħa jżuru l-Iskola Sekondarja ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża, l-Iskola Primarja ta’ Ħ'Attard, u l-Iskola Medja tan-Naxxar tal-Kulleġġ San Nikola, l-Iskola Primarja ta’ San Ġwann tal-Kulleġġ Santa Klara u l-Iskola Nazzjonali tal-Isport f'Pembroke.
L-Erbgħa filgħodu, iż-żjarat se jkomplu fil-Kulleġġ ta’ Għawdex, fosthom l-iskejjel primarji tan-Nadur, Għajnsielem u x-Xewkija, u l-Iskola Sekondarja tar-Rabat.
L-attività tiġi fi tmiema f’Wied il-Lunzjata f'Ta’ Kerċem.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo