L-atleti lokali jfittxu prestazzjonijiet aħjar xahar qabel il-Kampjonati Nazzjonali

Charlotte Wingfield. Ritratt: Wally Galea

Wara l-organizzazzjoni ta’ żewġ avvenimenti li taw ħin importanti fuq it-trakka lill-atleti ewlenin u dawk promettenti f’pajjiżna, il-livell kompetittiv se jintensifika nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju bl-ewwel Challenge Meeting tal-MAAA, wieħed mill-aħħar appuntamenti qabel il-Kampjonati Nazzjonali li se jsiru xahar ieħor.

B’dan l-istaġun partikolari riesaq lejn tmienu, u l-Kampjonati erba’ ġimgħat biss ‘il bogħod, hu mistenni li jkun hemm prestazzjonijiet ta’ livell ogħla f’dan l-avveniment, li se jkun miftuħ għall-kategoriji kollha mill-Under 16s sas-Seniors. Barra mid-distanzi sprint, li diġà rajnihom fil-ġimgħat li għaddew, l-MAAA Challenge 1 se tfisser ukoll ir-ritorn tat-tlieqlaq fuq distanza medja, jiġifieri bejn 800m u 3000m.

Il-kompetizzjonijiet ta’ nhar is-Sibt jipprovdu diversi raġunijiet għal stennija fost l-entużjasti tal-atletika f’pajjiżna, bid-debutt staġjonali tal-atleta internazzjonali Maltija Charlotte Wingfield f’pajjiżna u d-debutt tal-isprinter ta’ esperjenza Steve Camilleri fost ħafna oħrajn.

Filwaqt li l-ewwel żewġ avvenimenti tal-aħħar irregalaw lill-komunità sportiva b’żewġ rekords nazzjonali minn Luca Martini u Luke Farrugia fil-hammer u d-discus throw rispettivament – rekords li dawn iż-żewġ atleti se jippruvaw itejbu nhar is-Sibt – l-istennijiet huma għoljin għall-hurdler Daniel Saliba fil-110 metru, wara li ftit ġimgħat ilu mar ferm viċin li jtejjeb ir-Rekord Nazzjonali tiegħu (15:52) meta temm it-tellieqa biss 15-il millisekonda bogħod (15.67).

L-atleta veteran Rachid Chouhal, rebbieħ ta’ diversi midalji għall-Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar qed jimmira li jtejjeb ir-Rekords li kiseb riċentement fil-kategorija tal-Masters fil-100 metru (11.36s) fil-Long Jump (6.14m).

Il-MAAA Challenge 1 se ssir nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju, mill-4.45pm ‘il quddiem fil-Matthew Micallef St John Athletics Track fil-Marsa. L-avveniment hu miftuħ għall-pubbliku ġenerali u d-dħul se jkun b’xejn.

Din l-informazzjoni twasslet mill-Malta Amateur Athletic Association.