Filmat: L-Assunta tfakkarna li nistgħu nirbħu l-mewt, anke f’pandemija – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li r-rebħa ta’ Santa Marija fuq il-mewt hija sinjal li dak li l-Mulej wegħedna se jseħħ, billi wriena li l-imħabba tirbaħ dejjem. Huwa semma kif sinjal bħal dan huwa meħtieġ f’dan il-mument partikolari li fih id-dinja għaddejja mill-pandemija tal-coronavirus.

Fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa pontifikali fil-festa ta’ Santa Marija fil-Katidral ta’ San Pawl l-Imdina, l-Arċisqof irrifletta fuq it-tifsira tar-rebħa ta’ Marija fuq il-mewt.

Il-pandemija tal-coronavirus turi lill-bnedmin kemm huma dgħajfin, qal l-Arċisqof, billi affettwat kull qasam f’ħajjithom: fil-finanzi, fir-relazzjonijiet tagħhom, fil-libertà li tieħu d-deċiżjonijiet, fl-opportunitajiet, u fuq kollox, fis-saħħa. Minkejja dan, l-Arċisqof spjega kif festa bħal tal-lum tqawwi qalb il-bnedmin fil-fidi tagħhom f’Alla, għaliex hi sinjal li kelmtu ma tonqosx.

“Għaddiet mill-bieb tal-mewt imma mhux mit-taħsir tal-qabar”

Fisser kif illum, f’jum Santa Marija, aħna nifirħu magħha għall-irxoxt tagħha għax huwa turija li l-ħniena tal-Mulej tinfirex f’kull żmien. Fi kliem l-Arċisqof, Marija ngħatat dil-grazzja kemm għax kien jistħoqqilha, iżda biex tkun ukoll sinjal għall-bnedmin tal-ħniena ta’ Alla, billi fiha hija antiċipata din ir-rebħa fuq il-mewt.

Il-kliem “Kull nisel jibda jsejjaħli hienja” Marija qalithom f’kuntest ta’ qadi, bħala sinjal ta’ dak li kien se jagħmel fiha u magħha Alla biex hi temmen. L-Arċisqof semma kif hija mbagħad ingħatat sinjal permezz ta’ Santa Eliżabetta, il-qariba anzjana tagħha li ħarġet tqila bi Ġwanni l-Battista. Permezz tal-iva ta’ Marija, spjega Mons. Scicluna, il-bnedmin ħadu r-ruħ u lil Alla ma baqgħux jgħidulu le.

Minkejja ċ-ċokon ta’ Marija, fl-umiltà kollha tagħha, Alla għamel magħha ħwejjeġ kbar, u l-Arċisqof ħeġġeġ lil dawk preżenti għall-quddiesa biex illum jifirħu ma’ Marija għaliex “għaddiet mill-bieb tal-mewt imma m’għaddietx mit-taħsir tal-qabar.”