L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija f’Malta (MPA) trid li l-pulizija li jkollhom il-Covid-19, is-sick leave jinbidlilhom fi kwarantina.
L-assoċjazzjoni bagħtet talba għal dan lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci fis-26 t’Ottubru u għal darb’oħra fit-2 ta’ Novembru, iżda baqgħet bla tweġiba. L-assoċjazzjoni issa kkuntattjat direttament lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sabiex tinstab soluzzjoni.
Hija trid li s-sick leave jinbidel fi kwarantina għall-pulizija kollha li għad ikollhom il-coronavirus imma anke għal dawk li kellhom mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn.
Apparti hekk, l-assoċjazzjoni trid li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jkollhom ċans jagħmlu t-testijiet rapidi għall-coronavirus u jkollhom ir-riżultat iżjed malajr.
L-MPA avżat li mhix se tieqaf tiġġieled għad-drittijiet bażiċi tal-membri tagħha u li “temmen li għandhom ikunu awtomatiċi u ta’ sens komun.”