L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija “ixxukkjata” li se ssir in-Notte Bianca

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija Maltija (MPA) uriet it-tħassib u l-ħasda tagħha għall-aħbar li n-Notte Bianca se ssir xorta waħda din is-sena, minkejja l-imxija tal-coronavirus. L-assoċjazzjoni hija partikolarment imħassba minħabba s-saħħa u s-sigurtà tal-membri tagħha, il-pulizija, li jkollhom jaħdmu f’din l-attività biex jaraw li ma jkunx hemm inkwiet.

Fuq Facebook dalgħodu, l-assoċjazzjoni kitbet li “temmen li f’periodu tant delikat fejn il-pandemija ma tidhirx li beħsiebha tħalli lil dan il-pajjiż bi kwietu u fi żmien fejn pajjiżi Ewropej oħra li qegħdin f’sitwazzjoni ferm aħjar minn ta’ pajjiżna qegħdin iħassru kull attività minn issa sal-aħħar ta’ din is-sena bħala prekawzjoni, din l-attività famuża għal attendenzi numerużi fost is-snin mhux f’waqtha li sseħħ.”

Din il-ġimgħa ġie rrappurtat li minkejja li n-Notte Bianca mhix se ssir f’ċelebrazzjoni kbira f’lejl wieħed kif sar fit-13-il edizzjoni li għaddew, il-pjan hu li jkun hemm attivitajiet imferrxin tul Ottubru u Novembru.

L-MPA qalet li ma setgħetx ma tikkummentax fuq din is-sitwazzjoni ġaladarba hemm is-saħħa tal-membri tagħha fin-nofs. Fakkret li l-uffiċjali tal-pulizija m’għandhom l-ebda għażla ħlief li jaqdu dmirijiethom u jkunu preżenti f’attivitajiet bħal dawn.

Hija saħqet li l-pulizija huma umani wkoll, u wkoll għandhom familja. Uħud minnhom huma vulnerabbli u m’għandhomx jiġu trattati inqas minn ħaddieħor.

L-assoċjazzjoni spjegat li hi se tieħu parir, u wiegħdet lill-membri tagħha li se tikkunsidra kull azzjoni neċessarja biex tħares l-interess tal-uffiċjali tal-pulizija li jintalbu jaħdmu f’attività bħan-Notte Bianca jew xi waħda simili f’Paceville.

L-Malta Police Association tinsab ferm imhassba u fl-istess ħin ixxukjata bid-deċiżjoni meħuda iktar kmieni li…

Posted by Malta Police Association on Sunday, September 20, 2020