L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija (MAP) qalet li tirrikonoxxi d-dritt tal-oġġezzjoni fuq il-kuxjenza hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti l-liġi dwar l-Ugwaljanza li mistenni tingħata poteri universali.
ll-MAP saħqet li l-membri tagħha m’għandhomx jitpoġġew f’sitwazzjoni fejn ikollhom imorru kontra l-kuxjenza biex ma jinstabux ħatja quddiem il-Qorti.
Hi qalet li l-membri tagħha qegħdin f’pożizzjoni iktar delikata meta jħabbtu wiċċhom ma’ persuni vulnerabbli ‘l ħin kollu.
L-assoċjazzjoni sostniet li hi kontra kull argument li persuni li jbatu minn mard mentali, dawk bil-vizzju tad-droga jew il-komunità LGBTIQ jiġu mċaħħda minn aċċess għal kura tas-saħħa.
Il-psikjatri qalu l-ebda argument dwar konvinzjoni morali ma jista’ jegħleb id-dover ta’ tabib li jagħti s-servizz tiegħu lil dawn il-minoranzi.
Fl-istess mod, dan id-dritt ma jistax iwassal biex it-tobba jirrifjutaw li jagħtu trattament li jista’ jsalva l-ħajja tal-persuna li jkun hemm quddiemhom għax dan imur kontra l-ethos tal-professjoni medika u l-kodiċi ta’ etika tal-kunsill mediku.
Il-MAP qalet li tibqa’ kommessa li tiżgura li l-liġijiet Maltin jipproteġu l-minoritajiet u li l-ħaddiema tas-saħħa ma jmorrux lil hinn mill-prattiċi mediċi tajba li mistennija mill-professjoni tagħhom.