L-Assoċjazzjoni tal-Films titlob ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Films

Johann Grech

Read in English.

L-Assoċċjazzjoni tal-Produtturi tal-Films Maltija qed titlob ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech. Dan qed isir wara l-allegazzjonijiet li l-Kummissjoni Maltija għall-Films kienet qed tippromwovi b’mod selettiv ċerti kumpaniji tal-films lokali ma’ produtturi internazzjonali u qed teskludi oħrajn fl-istess industrija.

Wara li dawn id-dettalji ħarġu minn The Shift News, l-Assoċċjazzjoni qed titlob lill-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli biex tneħħi lil Johann Grech. L-assoċċjazzjoni qalet li dawn l-allegazzjonijiet huma xokkanti madankollu ma kinitx sorpiża.

Fi stqarrija l-Assoċċjazzjoni tal-Produtturi tal-Films Maltin talbet biex jerġa’ jiddaħħal id-direttorju online tal-produtturi tal-films. Żiedu li l-Kummissjoni kienett neħħiet dan id-direttorju online u ġie mibdul f’sistema inqas trasparenti.  

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Films Johann Grech ċaħad dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Fi stqarrija l-kummissjoni qalet li min-naħa tagħha ma tinterferixxix meta ssir l-għażla ta’ produzzjoni barrannija għall-produttur Malti.

Il-Kummissjoni qalet li jekk hija tiġi mistoqsija għall-opinjoni, min-naħa tagħha tiddiskuti mas-servizzi lokali Maltin imma fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni tibqa’ tal-produttur barrani.

Grech ċaħad ukoll li b’xi mod jew ieħor għamel gwadann jew profit bi flus jew rigali mingħand l-ebda individwu.