L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem rikonoxxuta mill-KE

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ġiet rikonoxxuta mill-Kummissjoni Ewropea għall-ħdima tagħha fl-edukazzjoni dwar ix-xogħol u l-politika soċjali.
F’attività annwali organizzata mill-Kummissjoni Ewropea ġew ippreżentati numru ta’ rikonoxximenti fosthom dak lill-Assoċjazzjoni Maltija li bil-proġett tagħha ta’ programmi edukattivi dwar in-negozju rebħet da nil-premju.
Fl-2015, l-Assoċjazzjoni kienet rebħet dan l-istess rikonoxximent u fl-istqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-ebda organizzazzjoni ma ġiet rikonoxxuta darbtejn fil-ħdax-il sena li ilha ssir din l-għotja.
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Joseph Farrugia qal bil-programmi edukattivi qed jirnexxilhom jilħqu lill-pubbliku biex issir il-kampanja ta’ edukazzjoni. Huwa rringrazzja lill-Istazzjon Nazzjonali, il-PBS, tal-opportunità li jipproduċu dawn il-programmi.
L-attività saret f’sit ta’ power station antika f’Tallinn fl-Estonja fejn għadd ta’ inizjattivi oħra ġew rikonoxxuti.
Kull sena, bord ta’ ġurija jiġi appuntat biex jiddeċiedi liema kienu l-aqwa proġetti fost mijiet li jiġu sottomessi f’diversi kategoriji minn organizzazzjonijiet Ewropej.