L-Assoċjazzjoni Medika Maltija ddiżappuntata bir-rapport tal-ħidma f’Mater Dei

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), esprimiet id-diżappunt tagħha li r-rapport tal-ħidma fl-isptar Mater Dei kellu xi informazzjoni nieqsa jew mhux ċara.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni qalet li r-rapport ma fih l-ebda informazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-domanda tas-servizzi u s-servizzi provduti.
Tenniet li r-relazzjoni bejniethom tiddetermina jekk il-listi ta’ stennija hux jiżdiedu jeq jonqsu.
Spjegat li m’hemmx informazzjoni dwar l-interventi kirurġiċi u sostniet li mill-informazzjoni li fih ir-rapport jidher li d-domanda qed tiżdied.
L-Assoċjazzjoni qalet li min jipprova jagħmel appuntament għall-ispeċjalizzazzjonijiet mediċi, isib li ftit minnhom għandhom lista ta’ stennija ta’ anqas minn sena.
Tenniet li skont informazzjoni ppubblikata fil-gazzetta tal-Gvern, fl-2015 kien hemm ħames konsulenti ġodda, tlieta minnhom inħatru għal karigi fid-dipartiment tal-anestesija, filwaqt li tlieta oħra se jkun qed jbiddlu lil konsulenti oħra.
L-Assoċjazzjoni qalet li dan juri li ma kienx hemm espansjoni fl-ispeċjalizzazzjonijiet mediċi u kirurġiċi oħra.
Appellat lill-awtoritajiet tas-saħħa biex tindirizza l-problema.
Temmet tgħid li l-awtoritajiet għandhom jippubblikaw informazzjoni aktar realistika u jippjanaw kif se jiffaċċjaw din il-problema.