Is-Segretarju tal-Papa mistenni jkun il-Malti Mons. Alfred Xuereb

Newsbook hu infurmat li hemm ċans kbir li s-Segretarju personali tal-Papa Franġisku se jkun is-saċerdot Malti Mons. Alfred Xuereb.

Mons. Xuereb, li għandu 54 sena u jgħix il-Vatikan, kien l-Assistent Segretarju personali ta’ Benedittu XVI u saħansitra akkumpanjah meta rtira f’Castel Gandolfo fit-28 ta’ Frar li għadda. Is-Segretarju personali tal-Papa Emeritu kien Mons. Georg Ganswein.

Mons. Xuereb twieled fir-Rabat Għawdex u ġie ordnat saċerdot f’Mejju 1984.

Jidher li fil-jiem li għaddew il-Papa iltaqa’ ma’ Mons. Xuereb biex jitkellmu dwar ir-rwol tiegħu f’dan il-Pontifikat il-ġdid.

F’kummenti li kien ta lil Newsbook, Patri Federico Lombardi spjega li fil-passat, l-Assistent Segretarju tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Mons Mietek, intalab biex għal xi żmien jakkumpanja l-Papa ġdid Benedittu XVI bħala Assistent Segretarju. Dan sabiex seta’ jgħin lil Papa, lis-Segretarju Personali tiegħu Mons Georg, kif ukoll lill-‘familja tal-Papa’ biex jidraw il-ħajja ta’ kuljum fil-Vatikan.