L-assi ta’ Austin Gatt f’bank Svizzeru qatt ma ġew dikjarati – Joseph Muscat

Dr Joseph Muscat saħaq li l-assi li għandu l-Ministru Austin Gatt f’bank Svizzeru qatt ma ġew dikjarati fil-Parlament, dan minkejja li l-Ministru Gatt għandu posizzjoni ministerjali.

Waqt li kien qiegħed jitkellem f’attivita’ politika, Dr Muscat qal li dan kollu jkompli jqajjem iktar suspetti. Huwa rrefera għall-konferenza tal-aħbarijiet li għamel il-Ministru Gatt fejn huwa ċaħad l-involviment tiegħu f’xiri ta’ żejt.

Joseph Muscat qal li din il-konferenza kixfet kontradizzjoni. Dan għaliex il-Ministru, spjega Dr Muscat, l-ewwel qal li ma jiftakarx li ltaqa’ ma’ xi persuna nkarigata mix-xiri ta’ żejt, umbagħad wara saħaq li hu kien jiltaqa’ ma’ din il-persuna kull tliet xhur.

Aktar kmieni, waqt li kien qiegħed jitkellem fuq il-programm TVHemm fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Ministru Gatt spjega li l-assi li għandu f’bank fl-Isvizzera wirithom mingħand ommu.

Il-Ministru Gatt qal li se jagħti d-dettalji tal-kont bankarju lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga.