Justyne Caruana titkellem dwar l-Olokawst Għawdxi

Wirja tal-arti tal-Kav.Camilleri Cauchi u l-Ballata ta’ Gianninu Cremona fakkru l-vittmi tal-Assedju tal-1551.
Waqt l-attività l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ddeskriviet l-Assedju tal-1551 bħala l-olokawst Għawdxi.
Dr Caruana qalet li din il-ġrajja tfakkarna fit-tbatijiet li għaddew minnhom missirijietna għaliex propju kienu jgħixu fil-gżira żgħira ta’ Għawdex, mingħajr difiża adekwata u mingħajr ir-riżorsi meħtieġa u l-poplu Għawdxi ġarrab tensjoni, tbatija, firda u mewt.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, jekk inħarsu madwarna, reġa’ feġġ is-sentiment ta’ biża’ kkaġunat mill-estremiżmu u t-terroriżmu u dan li għexu missirijietna waqt l-eżodu furzat tal-1551. Hija fakkret li llum dan qed jgħixuh eluf oħra li ta’ kuljum qed jaqsmu l-baħar Mediterran biex jaħarbu mill-persekuzzjoni bl-isperanza ta’ ħajja aħjar u bl-ibħra tagħna jispiċċaw qabar għal ħafna minn dawn l-eluf.
Appellat biex wieħed jibqa’ jitfakkar dawn il-ġrajjiet u jitgħallem dwar min aħna u minn fejn ġejjin, imma fuq kollox biex jifhem iktar dak li qed jiġri madwarna b’sens ta’ solidarjetà u ġustizzja.
Ritratti: MGOZ