“L-assassinju ta’ Daphne juri li l-mibegħda f’Malta għadha toqtol” – PD

Id-Deputat Kap tal-Partit Demokratiku Timothy Alden qal f’filmat li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia juri li l-mibegħda f’Malta għadha toqtol. Sostna li ċerti persuni jridu jimmanipulaw dak li għandu jsir informazzjoni pubblika. Insista li minflok il-ħelsien tal-kelma ċerti persuni jridu l-biża’.

Fil-messaġġ li ttella’ fuq Facebook, Alden irrefera wkoll għall-assassinji ta’ Karin Grech u Raymond Caruana li ġraw fl-1977 u fl-1986 rispettivament. Spjega li hu jaf dwar l-istejjer ta’ dawn iż-żewġ persuni mill-kotba tal-istorja Maltija u sostna li sakemm seħħ l-assassinju ta’ Caruana Galizia kien qed jemmen li l-pajjiż kien mexa ‘l quddiem. Madanakollu insista li l-qtil tal-ġurnalista were biċ-ċar li Malta għandha bżonn tibda mill-ġdid.

Irridu Kummissjoni biex jissolva l-qtil ta’ Daphne, Raymond u Karin – PD

Il-qraba tal-vittmi jkunu parti mill-Kummissjoni tal-Ġustizzja – PD

Alden talab sabiex il-każijiet jiġu solvuti u insista li hemm bżonn ta’ Kummissjoni għall-Verità u l-Ġustizzja li hija ġenwinament indipendenti mill-istat. Din it-talba għamilha l-Partit Demokratiku fis-6 ta’ Diċembru. Spjega li din il-Kummissjoni mhux se tkun qed tieħu post il-Pulizija, iżda se tkun qed tassistihom b’xogħolhom. Il-Parlament mistenni jivvota fuq din il-proposta għada.