“L-assassinju ta’ Daphne biddel ir-reputazzjoni ta’ Malta mil-lejl għan-nhar” – Delia

Waqt li indirizza lill-Korp Diplomatika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia biddel ir-reputazzjoni ta’ Malta mil-lejl għan-nhar.
Fl-indirizz tiegħu, Delia qal li hu dmir ta’ kull Gvern li s-sigurtà taċ-ċittadin tiġi żgurata.
Delia għadda biex jitkellem dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u qal li din se tkun sfida kemm għal Malta u kemm għall-Unjoni Ewropea.
Huwa qal li r-relazzjoni speċjali li teżisti bejn Malta u r-Renju Unit tagħti lill-Malta l-inkarigu li tnaqqas kemm jista’ jkun l-effetti negattivi assoċjati mal-Brexit. 
Tkellem ukoll dwar l-isfidi li qed iġġib magħha l-bidla fil-klima u qal li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Pariġi. Fi kliemu, it-tibdil fil klima mhix biss sfida ambjentali imma ukoll waħda ta’ sigurta globali. 
Adrian Delia qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi bil-mod li ġiet mmexxija l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tall-Unjoni Ewropea.
Sostna li l-elezzjoni bikrija waqt il-Presidenza żiedet il-pressjoni fuq il-Korpi Diplomatiċi u l-iskrutinju fuq Malta. 
Temm id-diskors tiegħu billi semma l-Kapitali tal-Kultura Ewropea. Fi kliemu, il-PN kien protagonist biex ingħata dan il-privileġġ.